Ktieb Festa 2020, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb 2020, Safi, Malta | Page 77

Każin Banda San Pawl, Safi Festa 2020 Messaġġ mis-Sindku Johan Mula Għeżież Residenti ta’ Ħal Safi, Għaddiet sena oħra u reġa’ wasal il-mument li nwasslilkom il-messaġġ tiegħi għall-okkażjoni tal-festa tal-patrun missierna San Pawl. Kienu xhur tassew partikolari. Min kellu jgħidilna li konna se nesperjenzaw din ir-realtà ġdida li litteralment bidlitilna ħajjitna u l-mod kif aħna ngħixu. B’konsegwenza li kellna lkoll flimkien nagħmlu sforz kollettiv sabiex nadattaw ruħna għal din ir-realtà ġdida kawża tal-Covid-19. Kif ilkoll tafu, għaddejna minn żmenijiet xejn feliċi. Però rrid ngħid ukoll li kienet esperjenza li, jekk xejn, ġegħlitna nirriflettu ħafna u napprezzaw aktar il-valur tal-ħajja u li kemm m’għandna qatt nieħdu for granted dawk l-affarijiet kollha li konna b’rutina ta’ kuljum imdorrijin nagħmlu. Esperjenza li wkoll ġegħlitna nirriflettu ftit fuq il-ħajja ferm mgħaġġla li konna qegħdin ngħixu. Esperjenza li ħadd ma kien għadda minnha qabel u li allura kellna naraw kif se nadattaw għal din ir-realtà ġdida li affettwat tista’ tgħid dak kollu li konna nagħmlu qabel u, fost dawn u mhux l-inqas, ġew affettwati wkoll il-festi tagħna. Kif ilkoll tafu, fost l-affarijiet l-oħrajn kollha li ntlaqtu mill-pandemija, il-festi kienu minn tal-ewwel li ġew affettwati u lkoll niftakru li l-ewwel deċiżjoni meħuda mill-Kurja kienet li l-festi kienu se jiġu kkanċellati kollha. Kienet deċiżjoni kemxejn iebsa għaliex, ngħiduha kif inhi, sajf minngħajr festi huwa sajf pjuttost monotonu, sajf nieqes mill-kulur u l-ħajja li l-festi tradizzjonali tagħna kapaċi jagħtu lill-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin fejn b’mod partikolari bl-armar u t-tiżjin kapaċi jagħtu dehra kompletament differenti lit-toroq tagħna. Deċiżjoni li però wieħed irid japprezza li ttieħdet f’kuntest meta l-pandemija kienet fl-eqqel tagħha bejn Marzu u April, u sa dak iż-żmien ħadd ma kien jaf kif kienu se jiżvolġu ruħhom l-affarijiet. Apparti minn hekk, minħabba r-restrizzjonijiet imposti mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-każini tal-banda kienu pprojbiti milli jorganizzaw attivitajiet li s-soltu jibdew jagħmlu minn xhur qabel il-festa sabiex permezz tagħhom jiġbru l-fondi biex jiffinanzjaw l-ispejjeż relatati mal-festa li mhumiex żgħar. U allura l-pandemija ħolqot problema oħra għall-każini talbanda, dik finanzjarja. Sussegwentment, id-deċiżjoni meħuda mill-Kurja ġiet riveduta minħabba l-fatt li fix-xahar ta’ Ġunju l-pandemija bdiet evidentement tbatti u l-gvern beda wkoll ineħħi mid-diversi restrizzjonijiet imposti. Din id-deċizjoni tat xi ftit tan-nifs lid-dilettanti talfesti, però rrid ngħid li ħolqot xi ftit ta’ inċertezza wkoll għaliex l-affarijiet bdew jinbidlu b’mod kontinwu u kien hemm xi ftit ta’ dubji dwar kif u b’liema mod kienu se jiġu ċċelebrati l-festi. Xi ħaġa li m’għenitx lil kull min ikun b’xi mod involut fl-organizzar tal-festa. Fil-fatt, sakemm kont qed nikteb dan il-messaġġ, konna għadna m’aħniex ċerti dwar il-programm kollu tal-festa. F’dan ir-rigward din is-sena nżammu laqgħat iżjed spissi mis-soltu bejn il-Kunsill Lokali, il-Parroċċa, il-Każin San Pawl, il- Fratellanzi u l-Kor Sine Macula, sabiex isir kordinament aħjar bejn il-partijiet kollha li b’xi mod jew ieħor huma involuti fl-organizzar tal-festa. Però tajjeb li minn dan kollu nieħdu l-pożittiv u, kif jgħid il-Malti, mill-mitluf tieħu dak li tista’. Nirringrazzjaw lil Alla li l-pandemija battiet ħafna (nittama li tibqa’ hekk!) u ppermettiet li l-festa tal-patrun tagħna li tant inkunu ilna nistennew, b’xi mod jew ieħor issir xorta waħda u b’hekk id-dilettanti u kull min għandu għal qalbu l-festi jistgħu jieħdu pjaċir u jiċċelebraw xorta waħda. Nagħlaq dan il-messaġġ billi nirringrazzja lill-Kumitat Każin Banda San Pawl flimkien mal-Kumitati tan-Nar, tan-Nisa, taż-Żgħażaġħ, tal-Armar, Kummissjoni Banda u kif ukoll il-Kappillan u l-voluntiera kollha tal-Parroċċa, il-membri taż-żewġ fratellanzi u l-membri tal-Kor Sine Macula tal-ħidma sfieqa u tas-sagrifiċċji kbar li jagħmlu tul is-sena kollha sabiex inkunu nistgħu niċċelebraw ilfesta. Nirringrazzjahom ukoll li, għalkemm f’ċirkostanzi differenti mis-soltu, ikkoperajna lkoll flimkien sabiex xorta waħda niċċelebraw il-festa tar-raħal tagħna. Finalment nagħlaq dan il-messaġġ tiegħi billi l-ewwel nett nappellalkom sabiex kull fejn tmorru toqogħdu attenti u tieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa u tobdu d-direttivi maħruġa mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika għall-ġid tagħkom infuskom u għal dawk ta’ madwarkom ukoll. Nagħlaq billi f’isem sħabi l-Viċi Sindku u l-Kunsilliera, is-Segretarju Eżekuttiv u l-istaff kollu tal-Kunsill Lokali u l-qraba tagħna, nawgura festa kif jixraq lilkom u l-familji tagħkom. Viva l-Appostlu Missierna San Pawl! 75