Ktieb Festa 2020, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb 2020, Safi, Malta | Page 7
Każin Banda San Pawl, Safi Festa 2020
Mill-Pinna tal-Editur
Alexis Callus
“Għalkemm il-marda f’ġismi
kienet ta’ prova għalikom, intom ma
stmerrejtunix u anqas stmellejtuni, iżda
lqajtuni bħala anġlu ta’ Alla, bħal Ġesù
Kristu… li kieku kien jista’ jkun, kontu
taqilgħu għajnejkom u tagħtuhomli”
(Gal 4:14-15).
Dak illi jiġri madwarna jaffettwana
lkoll. Din is-sena se nkunu qed niċċelebraw
festa b’differenza, iżda din ma tnaqqas
xejn mid-devozzjoni tagħna lejn San
Pawl u t-tagħlim tiegħu. Il-pandemija
internazzjonali biddlet bil-kbir in-norma
tagħna, iżda fir-realtà hemm miljuni ta’ nies madwar iddinja
li ta’ kuljum, u għal snin twal, kellhom jgħixu barra
minn dak li huwa normali għalina kaġun ta’ faqar, ġuħ u
gwerer. Mumenti bħal dawn għandhom isaħħuna u bihom
nagħrfu l-importanza tal-ħajja li ngħixu u tas-solidarjetà.
Min-naħa tagħna ridna naraw li kemm jista’ jkun
ma nħallux l-effetti tal-pandemija jaffettwaw dawk
l-affarijiet illi stajna nagħmlu. Mill-ewwel tkellimt
mal-kumitat biex nikkonferma magħhom li l-intenzjoni
tiegħi kienet dik li nagħti sehmi biex nara li din ilpubblikazzjoni
tinħareġ u b’hekk ma naqtgħux barra
tradizzjoni li hija mistennija wkoll f’dawn il-jiem ta’
festa. Dan il-ktieb huwa sors ta’ introjtu għas-Soċjetà u
b’hekk ridt nara li din l-opportunità ma tintilifx. Grazzi
kbira tmur lis-Sur Emanuel Zahra, lis-Sinjura Catherine
Zahra u lis-Sur Manuel Debono li huma kruċjali filħidma
sabiex jinġabru r-riklami li jingħaddu ma’ tant
donazzjonijiet li għandu bżonn il-Każin. Il-pandemija
waslet biex ċertu xogħol u attivitajiet soċjali jitħassru
b’mod immedjat, iżda l-ispejjeż xorta baqgħu hemm,
l-obbligi mal-kredituri jibqgħu u b’hekk il-Kumitat
Ċentrali ħaqqu kull appoġġ f’din il-ħidma tant diffiċli.
Nappellalkom tużaw is-servizzi ta’ dawk li qed
jirriklamaw f’dan il-ktieb, żommu kopja ta’ din ilpubblikazzjoni
fil-viċin, u meta tkunu qed tfittxu xi
servizz ibdew minn hawn. Grazzi kbir lil dawk kollha li
għal snin twal appoġġjaw lil din is-Soċjetà.
Fil-publikazzjoni ta’ din is-sena rajna li nwasslulkom
l-atmosfera li kien hawn matul il-festa tas-sena l-oħra;
il-marċi, in-nar, il-kunċerti, l-armar u
l-attivitajiet tas-sottokumitati. Issibu wkoll
artikli interessanti b’rabta Pawlina kif
ukoll artikli li jħarsu lejn l-antenati tagħna
u l-kultura lokali. Artiklu prestiġjuż ieħor
huwa dak marbut mal-arti Rinaxximentali
Għoli u li jagħti ħarsa lejn l-artist ċelebri
Raffaello fl-anniversarju tal-500 sena millmewt
tiegħu. Grazzi kbrira lill-kontributuri
kollha.
Nirringrazzja wkoll lil dawk li għenu
fil-pubblikazzjoni, il-bord editorjali
kompost minni kif ukoll mis-Sur Paul
Abdilla u s-Sur Carmel Callus li ħadu ħsieb il-qari talprovi
kif ukoll lis-Sur Saviour Sammut li qara l-ktieb
qabel il-pubblikazzjoni. F’ħin qasir irnexxielna ngħaqdu
pubblikazzjoni oħra li tagħti ġieħ lis-Soċjetà tagħna u lil
Missierna San Pawl.
Grazzi lil dawk kollha li pprovdew ir-ritratti b’mod
speċjali lis-Sur Carl Farrugia li ħa ħsieb jieħu ritratti taljiem
tal-festa li għaddiet.
“Min hu marid u m’iniex marid miegħu jien?” (2 Kor
11:29).
San Pawl, f’din il-festa, qed ifittex mingħandna xi
ħaġa differenti. Din għamel referenza eċċellenti għaliha
Mons. Mario Grech fis-Solennità tan-Nawfraġju tal-
Appostlu Missierna San Pawl fil-Knisja parrokkjali ta’
San Pawl Nawfragu, il-Munxar. “San Pawl qed jgħidilna
li hu waqqaf il-Knisja b’azzjoni waħda imma li għandha
tifsira profonda: biex ninqeda b’espressjoni tal-Papa
Franġisku, Pawlu jista’ jgħid li fostna waqqaf - sptar
fuq il-kamp tal-battalja - li fih isibu l-fejqan u l-faraġ
dawk kollha li huma feruti. Din hija l-Knisja.” Mons
Grech għalaq billi qal: “Knisja Pawlina hija Knisja li
toffri t-tama lil kull min hu marid, speċjalment lil min hu
marid gravi; Knisja li tagħraf lil Pawlu bħala missierha
trid tkun Knisja li tilqa’ lil dawk li qatgħu qalbhom jew
ħaddieħor qata’ qalbu minnhom!”
Nawguralkom festa b’differenza; inħeġġiġkom
tipparteċipaw fl-attivitajiet kollha, u fuq kollox
nawguralkom ħafna saħħa.
Nota Editorjali:
Id-direttivi tal-awtoritajiet jistgħu jkunu tali li xi informazzjoni ppubblikata mhix korretta.
Il-Kumitat jirringrazzja lil dawk it-tobba, infermiera u ħaddiema tad-Dipartiment tas-Saħħa
u ħaddiema li jaħdmu fid-djar għall-anzjani u nies vulnerabbli Ħal Safin, kif ukoll lil dawk
kollha li qed jaħdmu qatigħ fil-ġlieda kontra l-imxija tal-Covid-19
5