Ktieb Festa 2020, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb 2020, Safi, Malta | Page 43

Każin Banda San Pawl, Safi Festa 2020 Bħal San Pawl għad nerġgħu naraw id-dawl Mro. Michael Bugelli A.T.C.L. Ġejt mitlub nikteb il-messaġġ tiegħi għall-festa ta’ Missierna San Pawl ta’ Ħal Safi, din is-sena f’ambjent totalment differenti, ħafna differenti minn dak li aħna mdorrijin bih is-soltu. Nagħmlilkom kuraġġ. Kollox jgħaddi. Anke dan iżżmien ikrah jgħaddi wkoll. Persważ li se noħorġu b’saħħitna iktar minn qatt qabel. San Pawl u Ħal Safi, żewġ ismijiet li ma jistgħu jinħallu qatt. Issa ili sew surmast direttur ta’ din il-banda. Kelli x-xorti li niltaqa’ ma’ ħafna nies bravi minn Ħal Safi u kollha kapaċi. Min jafni, jien inkellem lil kulħadd, sew lil tal-armar, liż-żgħażagħ u lil tan-nar. Inkellem ukoll diversi familji li jġibu t-tfal tagħhom għat-tagħlim. Anke jekk minħabba l-pandemija tħarbatna ftit, inħossni kburi ħafna f’dak li għamilna f’dak li hu tagħlim tal-mużika. Nittama li malli jgħaddi kollox dawk li kienu qed jitgħallmu jerġgħu jiġu jkomplu minn fejn ħallew għax dak huwa l-periklu u r-riskju li jista’ joħroġ minn din il-pandemija. Għalhekk issa kif jgħaddi kollox se nitlob ftit l-għajnuna tagħkom biex tinkoraġġixxu lit-tfal tagħkom jerġgħu jirrankaw mill-ġdid fuq it-tagħlim. Ma nistgħux nitilfu kollox dak li ilna tant żmien nibnu flimkien. Irridu nagħmlu sagrifiċċju u kulħadd jagħmel il-parti tiegħu. Lill-bandisti tagħna ngħidilhom biex ma jabbandunawniex. Ipprattikaw kemm tistgħu d-dar tagħkom, billi mqar tagħmlu noti twal li għalkemm jidhru mhuma xejn, dawn huma importanti ħafna għallmużiċist. Ngħaddi issa biex nitkellem fuq is-Soċjetà tagħna, Banda San Pawl. Ma nieqaf qatt infaħħar lill-membri tal-kumitat ta’ din is-Soċjetà li jaħdmu lejl u nhar sabiex il-Banda San Pawl tkompli tikber. Proġetti bħalma huma dawk tal-planċier u tat-tkabbir tal-każin mhumiex ċajta. Għalhekk prosit tax-xogħol kbir li qed tagħmlu għan-nies ta’ Ħal Safi. Il-poplu ta’ Ħal Safi għandu jkun rikonoxxenti għal dak li qed tagħmel il- Banda tagħna. Nitolbukom tkunu ġenerużi fl-offerti tagħkom. Nappellalkom ukoll biex min għandu l-ulied iressaqhom għattagħlim tal-mużika. Għandna bżonn ta’ aktar bandisti. Il-futur tagħna jiddependi mill-interess tagħkom in-nies ta’ Ħal Safi. Din is-sena mhux se nkellimkom fuq il-programm annwali li s-soltu ntellgħu fil-pjazza fit-tieni jum tat-Tridu u dan minħabba l-pandemija. Kieku tkunu tafu kemm sagrifiċċji jsiru biex intellgħu programm bħal dak! Hemm ħafna affarijiet fin-nofs u li ma jidhrux għax isiru kollha minn wara l-kwinti. Jien persważ li ħafna nies indunaw xi kwalità ta’ programm mużikali qed intellgħu. Qatt ma nqasna milli nagħtu opportunità biex bandisti bravi minn Ħal Safi stess jesebixxu ruħhom f’parti solista. Lill-bandist lokali dejjem bqajna nġibulu rispett. Xejn ma ngħidilkom. Ibagħtu lil uliedkom jitgħallmu l-mużika magħna. Żgur mhux se jiddispjaċikom. Li ddoqq mal-banda, barra li hija xi ħaġa sabiħa hija okkażjoni tajba fejn wieħed jaħdem fi grupp u jitħallat man-nies, xi ħaġa essenzjali ħafna fl-iżvilupp tal-bniedem. Nagħlaq dan il-messaġġ billi nirringrazzja lil kulħadd u lil dawk li jgħinuni fil-banda. Ħuti ma naqtgħux qalbna. Meta San Pawl waqa’ minn fuq iż-żiemel u għama, min jaf kemm kienet diffiċli għalih biex iqatta’ waħdu dawn il-jiem li firduh mil-laqgħa li kellu jkollu ma’ Ananija minn Damasku. Pawlu qatta’ dawn il-jiem fid-dlam imma l-kliem ta’ Ġesù baqa’ jidwi f’moħħu wara d-dehra li kellu. Kien jaf li Ġesù ma kienx se jitilqu waħdu u min jaf x’ferħ ħass meta Ananija, bis-saħħa ta’ Alla, reġa’ raddlu lura d-dawl. Hemmhekk Pawlu kellu konferma li Ġesù kien tassew Alla, li dak li ġralu ma kienx immaġinazzjoni. L-Aħwa nagħmlu kuraġġ. Aħna wkoll bħal Pawlu se nerġgħu naraw id-dawl mill-ġdid. Fil-jiem tal-festa nħeġġu lil kulħadd biex jersaq aktar lejn is-Sagramenti. 41