Ktieb Festa 2020, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb 2020, Safi, Malta | Page 35

Każin Banda San Pawl, Safi Festa 2020 Mill-Maħżen tal-Armar Kummissjoni Armar Għeżież Pawlini, waslet festa oħra f’ġieħ il-patrun għażiż tagħna. Bħalma jaf kulħadd din is-sena għaddejna minn żmien differenti u diffiċli aktar minn tas-soltu. Minħabba f’hekk għadd ta’ setturi waqfu jaħdmu f’pajjiżna u madwar id-dinja. Dan wassal biex f’pajjiżna ċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi esterni tħassru kollha, għalkemm fl-aħħar xhur tneħħew ċerti restrizzjonijiet fuq il-festi esterni. Fil-maħżen il-ħidma kompliet b’mod differenti u aktar kalm mis-soltu. Għalkemm l-attendenza naqset, xorta ħdimna bin-numru limitat ta’ voluntiera sabiex nobdu l-istruzzjonijiet mogħtija f’dan il-perjodu. Għal din issena kellna diversi proġetti ppjanati iżda dawn kellhom jiġu posposti għas-sena d-dieħla. Madankollu xorta bqajna niddiskutu u naraw il-bżonnijiet li għandhom isiru fil-maħżen. Għal din is-sena ntramat id-dawra tal-purċissjoni kollha (il-Pjazza, Triq San Pawl, Triq Dun Ġużepp Caruana u Triq iż-Żurrieq). Bħal fis-snin l-imgħoddija l-ħidma fil-maħżen ma qatgħetx. Fejn tidħol ilmanutenzjoni bdew jiġu miżbugħa l-arbli kollha kemm tal-injam kif ukoll tal-ħadid li jintramaw fil-festa u fil- Milied. Apparti d-diversi passati taż-żebgħa, l-arbli tal-injam ingħataw diversi passati ta’ Cuprinol sabiex nipproteġuhom kontra s-susa. Saret ukoll manutenzjoni fuq il-lifter tas-Soċjetà, grazzi lis-Sur Mario Attard (ix- Xambekk). Għal żmien il-Milied tellajna wirja ta’ presepju maħdum mill-ġablow, xogħol Redeemer Barber, filkantina tal-każin. Sfortunatament il-wirja annwali tal-Ġimgħa Mqaddsa tħassret minħabba l-pandemija. Din is-sena fil-festa liturġika tal- Konverżjoni ta’ San Pawl intramat u ġiet imbierka l-imrewħa maestuża li ġiet imżanżna s-sena l-oħra waqt il-marċ tal-Ġimgħa. Din kienet iddisinjata u sfumata mis- Sur Alan Xerri, tliet pitturi xogħol is-Sur Kurt Friġġieri u ħjata tas-Sinjura Tessie Magri. Tistgħu ssibu aktar informazzjoni fuq dan f’artiklu mħejji speċifikament dwar l-imrewħa f’din il-pubblikazzjoni. Is-sena l-oħra ntemm il-proġett ta’ bandalori ta’ Misraħ San Ġużepp. Dan is-sett ta’ erba’ bandalori juri l-armi araldiki tal-isqfijiet marbuta mal-parroċċa tagħna. Dawn kienu ddisinjati u sfumati mis-Sur Albert Borda u l-ħjata saret mis-Sinjura Tessie Magri. Intemmu dan il-messaġġ billi nħeġġu aktar nies biex jingħaqdu ma’ din il-familja Pawlina. Inħeġġukom ukoll biex matul il-ġimgħa tal-festa tarmaw il-faċċata tad-djar u l-arbli tagħkom. Fuq kollox nirringrazzjaw lill-voluntiera u l-benefatturi kollha li joffru l-ħin u l-għajnuna tagħhom meta jkollna bżonn. Nirringrazzjaw ukoll lill-kappillan, lill-membri tal-kunsill lokali, lillkumitat ċentrali u sezzjonijiet l-oħra fi ħdan is-soċjetà Pawlina. Fuq kollox nirringrazzjaw lilkom il-Ħal Safin li dejjem tattendu l-attivitajiet li norganizzaw matul issena u nħeġġukom tingħaqdu magħna fil-festa f’ġieħ l-Appostlu Missierna San Pawl. Il-Festa t-Tajba. Viva San Pawl Il-Kumitat tal-Festa Każin San Pawl jinkoraġġixxi t-tiżjin ta’ gallariji u bjut fil-ġranet tal-festa. 33