Ktieb Festa 2020, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb 2020, Safi, Malta | Page 19

Każin Banda San Pawl, Safi Festa 2020 Jikteb il-Kaxxier Martin Zammit Qed niktbilkom dan il-messaġġ fi żmien staordinarju, fejn matul dawn l-aħħar erba’ xhur ftit li xejn kellna l-opportunità li niltaqgħu u norganizzaw l-attivitajiet tas-soltu ta’ ġbir ta’ fondi b’risq il-festa wisq għażiża għalina l-Ħal Safin. Il-pandemija li ħakmet id-dinja ma ħafritilniex, u bħalma rajna l-ħidma u l-ħajja ta’ kuljum tagħna tiġi affettwata, b’hekk ukoll ġew affettwati dawk l-attivitajiet kollha marbuta mas-Soċjetà tagħna. L-ispejjeż tal-operat tagħna xorta waħda kienu hemm. Bil-għaqal tal-kumitat u talbenefatturi tagħna bqajna mexjin, b’diffikultà, iżda b’determinazzjoni ’l quddiem. L-ispejjeż marbuta malproprjetà u l-ispejjeż kurrenti l-oħra kellhom jinħarġu, u fl-istess ħin bqajna naraw kif l-aħjar nistgħu nwasslulkom festa xierqa fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjonijiet li aħna nagħmlu b’risq Missierna l-Appostlu San Pawl. Minn hawn nirringrazzja lil sħabi kollha tal-Kumitat Ċentrali kif ukoll lis-Sottokumitati li fejn setgħu baqgħu jsibu modi ta’ kif jiġbru fondi b’risq il-Każin. Din is-sena s-Soċjetà se tkun qed tkopri l-ispejjeż kollha tad-dawl fit-toroq kif ukoll nofs l-ispejjeż taluffiċjali tal-Pulizija fil-jiem tal-festa. (Dejjem jekk ikun possibbli li ssir). Irrid insemmi s-sehem tal-Għaqda Każini tal-Banda, li kienu kruċjali biex il-Każin tagħna, u każini oħra simili, jibbenifikaw minn fondi allokati biex jagħmlu tajjeb għat-telf li batew l-għaqdiet matul dawn ix-xhur tal-pandemija. Il-Kumitat ra wkoll biex jibbenefika minn fondi oħra li applika għalihom, kemm minn flus allokati mill- Gvern kif ukoll flus allokati minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Dan kollu kien possibbli bil-ħidma ta’ bosta entitajiet kif ukoll għall-fatt li l-Każin tagħna huwa registrat mal-Kunsill Malti għall- Volontarjat. Nirringrazzja lill-Akkawntant tagħna, is-Sinjorina Graziella Busuttil u lill-Awditur Ġenerali, is-Sinjura Annalise Attard Bezzina, li jieħdu ħsieb li dak illi nagħmlu jkun rapportat b’mod tajjeb u skont il-parametri rekwiżiti. L-appell tiegħi huwa li tkomplu tkunu ġenerużi mal-Każin Banda San Pawl Safi. Is-Soċjetà tagħna hija mibnija fuq il-membri, u minn hemm jinbena kollox. Grazzi lil dawk kollha li ta’ kull sena jħallsu t-tessera tas-Soċjetà. Inħeġġeġ, b’mod speċjali liż-żgħażagħ biex huma wkoll jissieħbu bħala membri, għaliex dan huwa ferm importanti għas-suċċess tagħna fil-futur. Grazzi lil dawk kollha li matul is-sena joffru s-servizzi professjonali tagħhom b’mod volontarju u lil dawk li jersqu biex jgħinu b’mod volontarju. Inħeġġiġkom tipparteċipaw fl-attivitajiet tagħna, kemm biex niltaqgħu u nkattru l-għaqda bejnietna kif ukoll biex inkunu nistgħu niġbru fondi biex inwasslulkom festa aktar attraenti u mimlija. Dan kollu nagħmluh biex inroddu ħajr lil Alla u nkabbru d-devozzjoni tagħna lejn l-Appostlu tal-Ġnus, Missierna San Pawl. Nawguralkom festa mill-isbaħ. Viva San Pawl O San Pawl ħarisna dejjem, ibqa’ żommna magħqudin Int ir-ragħaj li tieħu ħsiebna, int patrun ta’ Ħal Safin. 17