Ktieb Festa 2020, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb 2020, Safi, Malta | Page 117
Każin Banda San Pawl, Safi Festa 2020
L-ewwel referenza għall-ġabra ta’ ittri ta’ San Pawl
insibuha diġà fit-Testment il-Ġdid meta l-awtur tat-Tieni
Ittra ta’ San Pietru jikteb hekk, “Hekk ukoll fl-ittri kollha
tiegħu… Dawn l-ittri fihom xi ħwejjeġ li huma tqal biex
wieħed jifhimhom.” (2 Pt 3,16) L-inċertezza dwar l-ittri,
liema huma l-ittri vera li kiteb San Pawl, mhijiex xi ħaġa
ġdida. Lura fit-tieni seklu diġà naraw li għalkemm kien
hemm tentattivi sabiex jinġabru l-listi tal-ittri ta’ San
Pawl, dawn il-listi kienu jvarjaw. Fil-fatt, f’dokument
importanti li jmur lura lejn tmiem it-tieni seklu, magħruf
bħala ‘l-Kanone Muratorjan’, insibu lista ta’ disgħa
mill-ittri, jiġifieri, l-ittri kollha minbarra dawk imsejħin
bħala ‘l-ittri pastorali’ (1 u 2 Timotju u Titu) u Filemon.
Lista oħra, għalkemm b’ordni differenti, insibuha wkoll
fil-kitbiet ta’ Marċjone, li għalkemm dan spiċċa bħala
eretiku, il-kitbiet tiegħu taw imbuttatura kbira sabiex jiġi
ffurmat il-Kanone tal-Iskrittura, jiġifieri l-lista tal-kotba
li l-Knisja tqishom bħala ispirati.
Meta neżaminaw l-ittri pastorali, ninnutaw li l-istil u
l-vokabularju ta’ dawn it-tliet ittri huma differenti ħafna
mill-bqija tal-għaxar ittri l-oħra attribwiti lil San Pawl.
Dawn l-ittri jidhru li huma indirizzati lejn sitwazzjonijiet
differenti minn dawk li nsibu fl-ittri l-oħra. Fil-fatt, min
kiteb dawn l-ittri jidher li hu mħasseb dwar jekk Timotju
u Titu humiex leali lejn it-tradizzjoni li huma kienu
rċevew, u jekk dawk li kienu jokkupaw xi awtorità fil-
Knisja kinux qed iġibu ruħhom tajjeb. Minn dawn l-ittri
jidher ukoll li l-Knisja kienet strutturata tant differenti
minn dak li naqraw fl-ittri l-oħra. Minħabba raġunijiet
bħal dawn u oħrajn ukoll, ftit huma dawk l-istudjużi
tal-Iskrittura li llum iżommu li San Pawl kiteb l-ittri
pastorali, għalkemm ma nistgħux neskludu li f’dawn
l-ittri nsibu xi partijiet li huma ġenwini.
Ħafna mill-ittri ta’ San Pawl għandhom kredenzjali
tajbin sabiex jgħinuna nidentifikawhom bħala ittri
awtentiċi, li jmorru lura għal dan l-Appostlu. Forsi l-aħjar
post minn fejn nistgħu nibdew hija l-ittra lill-Galatin
miktuba b’passjoni kbira u li fiha jidher il-karattru veru ta’
San Pawl. Imbagħad għandna l-ittra lir-Rumani li tixbah
ħafna lill-ittra lill-Galatin, kemm fl-istil u l-vokabularju
tagħha. Wara jiġu l u 2 Korintin u Filippin li jittrattaw
kwistjonijiet differenti, iżda li minnhom nistgħu nagħrfu
l-istil ta’ San Pawl. Hekk ukoll l-1 ittra lit-Tessalonkin.
L-ittra qasira lil Filemon ukoll hija aċċettata minn ħafna
bħala waħda mill-ittri awtentiċi tal-Appostlu San Pawl.
Wara dan m’hemmx aktar qbil fost l-istudjużi tal-
Iskrittura. Dawn ma jaqblux bejniethom jekk Pawlu
kitibx it-2 ittra lit-Tessalonkin, Kolossin u Efesin. Ilkonklużjonijiet
li waslu għalihom l-istudjużi huma
mibnija fuq argumenti b’saħħithom ħafna, bħal ngħidu
aħna, argumenti fuq l-użu ta’ vokabularju, stil differenti
u żvilupp teoloġiku fil-ħsieb. Minħabba f’hekk, ħafna
jaħsbu li dawn l-ittri setgħu nkitbu minn xi ħaddieħor
f’isem San Pawl, xi ħaġa li llum ma timmaġinax li
tagħmilha, imma li f’dak iż-żmien kienet issir.
Jekk kien hemm xi ħadd li pprova jimita lil Pawlu
u tana dawn l-ittri, dan għamlu b’għanijiet tajba. Jista’
jagħti l-każ li xi wħud mill-ittri li semmejna nkitbu
minn xi nsara li kienu qrib San Pawl u li wara mewtu
xtaqu jkomplu jinterpretaw il-messaġġ tiegħu lillġenerazzjonijiet
ta’ warajhom. Hekk kif beda għaddej
iż-żmien, l-insara bdew jaffaċċjaw sitwazzjonijiet ġodda
li ġabu magħhom diffikultajiet ġodda. Aktar ma l-Knisja
bdiet tikber aktar beda jinħass il-bżonn li jkun hemm
regoli u dixxiplina sabiex l-affarijiet jimxu aħjar kif
insibu fl-ittri pastorali. Fuq kollox il-fatt li l-Insara setgħu
kitbu dawn l-ittri f’isem Pawlu, ikompli jurina kemm ilpersuna
ta’ San Pawl u l-ħsieb tiegħu kienu dominanti
fil-Knisja tal-bidu.
Għandna mbagħad ittri li Pawlu kiteb u li ntilfu.
Hekk, pereżempju, f’1 Kor 5,9-11, San Pawl jagħmel
referenza għal ittra li kien kiteb diġà u li fil-fatt din l-ittra
ma teżistix. Huwa jgħid hekk, “Ktibtilkom fl-ittra li ma
tagħmluhiex maż-żienja…” L-espressjoni ‘ktibtilkom
fl-Ittra’ turi li l-Appostlu kien diġà kiteb ittra oħra lill-
Insara ta’ Korintu qabel ma kiteb dik li llum insejħulha
bħala l-ewwel ittra lill-Korintin. Għandna wkoll l-ittra
lill-Kolossin, li fiha nsibu referenza għall-ittra indirizzata
lill-Knisja fil-Laodiċija (Kol 4,16), imma fil-fatt din
l-ittra qatt ma waslet għandna.
Forsi kwistjonijiet bħal dawn ftit li xejn tajna kashom,
u meta nisimgħuhom jistgħu jfixkluna. Jekk San Pawl
ma kitibx it-13-il ittra li nsibu fit-Testment il-Ġdid, kif,
mela, il-Knisja setgħet taċċettahom bħala parti mill-
Kelma ta’ Alla? Hekk forsi jirraġunaw xi wħud meta
jisimgħu argumenti bħal dawn. Iżda fl-aħħar mill-aħħar
l-importanti hu li l-Knisja minn dejjem għożżet dawn
l-ittri li kienu jinqraw fil-laqgħat tal-ewlenin Insara.
Fuq kollox il-Knisja għarfet ukoll li dawn l-ittri huma
kollha ispirati, jiġifieri għandhom lil Alla l-Imbierek
bħala l-awtur veru tagħhom. Minħabba f’hekk aħna
wkoll għandna nibqgħu ngħożżuhom u naraw x’qegħdin
jgħidulna fiż-żminijiet li fihom qegħdin ngħixu llum.
Riżorsi: http://www.laikos.org/San_Pawl.htm
115