Ktieb Festa 2020, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb 2020, Safi, Malta | Page 115

(L-ewwel parti) Każin Banda San Pawl, Safi Festa 2020 “Int hawn, inti li qiegħed taqleb lil Iżrael ta’ taħt fuq.” Minn sensiela ta’ artikli ta’ Patri Martin Micallef OFMCap Pawlu kien, u aktarx jibqa’, l-aktar persuna kontroversjali fl-istorja tal- Kristjaneżmu. L-opinjonijiet dwar Pawlu minn dejjem kienu f’konflitt ma’ xulxin. Qabel is-sejħa tiegħu, li seħħet għal għarrieda fit-triq ta’ Damasku, Pawlu kien bniedem li qajjem moviment qawwi kontra dawk li riedu jimxu wara Ġesù ta’ Nazaret. Hekk jitfaċċa Pawlu fix-xena Biblika bħala Lhudi ‘żelota’ (Atti 22,3). Huwa jiġi ppreżentat bħala wieħed li kien iqis iż-żelu tiegħu millmod kif kien qed jipprova ‘jeqred’ b’mod vjolenti (Gal 1,13; Fil 3,6), ‘is-setta tan-Nazzarenu’ li kienet għadha kemm twieldet fi ħdan il-Ġudaiżmu tal-ewwel seklu. Fl-istess ħin, Pawlu baqa’ suġġett ta’ kontroversji saħansitra wara din is-sejħa tiegħu fit-triq ta’ Damasku li wasslitu sabiex jingħaqad ma’ dawk li qabel kien qed jippersegwita (Atti 9; Gal 1,13-16). Wara li ltaqa’ ma’ Kristu fit-triq ta’ Damasku, Pawlu ngħata kollu kemm hu sabiex jirbaħ ’il-pagani u jdawwarhom lejn l-Evanġelju ta’ Kristu (Rum 11,13; 15,18-20). Pawlu wera l-istess impenn passjonali, jew aħjar l-istess ‘żelu’ li kellu qabel. Dan l-impenn kbir tiegħu lejn l-Evanġelju wassal sabiex bosta jeħduha kontrih, u dan kemm min-naħa tal- Lhud sħabu li kienu emmnu f’Ġesù Kristu imma li ma kinux jaħsbuha bħalu, kif ukoll minn dawk il-Lhud l-oħra li baqgħu ma emmnux f’Ġesù bħala l-Messija ta’ Iżrael (ara Atti 21,20-21; Rum 3,8; 15,31; 2 Kor 11,22.24). L-akkuża miġjuba kontra l-profeta Elija mis-Sultan ta’ Iżrael, Aħab, “Int hawn, inti li qiegħed taqleb lil Iżrael ta’ taħt fuq” (1 Slat 18,17), nistgħu għalhekk napplikawha wkoll għall-Appostlu Pawlu. Pawlu jibqa’ figura kontroversjali għallġenerazzjonijiet li ġew warajh. Biżżejjed ngħidu li fit- Tieni Seklu W.K., kien hemm ukoll bosta movimenti eretiċi li ħarġu mill-Kristjaneżmu, bħalma huma, Marċjone, il-Valentinjani, u l-Gnostiċiżmu, li ħadu l-ispirazzjoni ewlenija tal-ħsieb tagħhom mill-kitbiet ta’ San Pawl. Minħabba f’hekk Tertuljanu wasal biex sejjaħ lil Pawlu saħansitra bħala, ‘l-appostlu tal-eretiċi.’ (adv. Marc. 3.5). Fl-istess ħin, l-influwenza pożittiva tal-Appostlu tal- Ġnus fuq il-Kristjaneżmu li ġie wara, hija waħda li ma tistax tkejjilha. Mhux ta’ b’xejn li daqs seklu ilu, San Pawl ġie mfaħħar bħala, ‘it-tieni fundatur tal- Kristjaneżmu’ (W. Wrede, Paul, London 1907, 180). Il-ħsieb ta’ Pawlu baqa’ jisfida ġenerazzjonijiet waħda wara oħra bħalma għamel lil dik ta’ żmienu sabiex dawn japprezzaw dak li Pawlu stess sejjaħ bħala, ‘il-verità tal-Evanġelju’. B’hekk illum ukoll huwa jibqa’ jipprovoka l-esponenti ewlenin tal-Kristjaneżmu sabiex jerġgħu jgħarblu mill-ġdid xi tfisser tkun ‘Nisrani’ u ‘Knisja’. F’din is-serje ta’ artikli li se nippubblikaw bħala kontribut għas-Sena Pawlina li l-Papa Benedittu XVI fetaħ fit-29 ta’ Ġunju 2008 u li tagħlaq fl-istess jum tassena ta’ wara, se nħarsu lejn min kien Pawlu u x’għallem dan l-Appostlu kbir. Se naraw jekk nistgħux nibqgħu ngħidu li l-14-il ittra li tradizzjonalment huma attribwiti lil Pawlu humiex tassew kollha tiegħu? X’kien ir-rwol ta’ Pawlu fl-ewwel żminijiet tal-Kristjaneżmu? Kif wassal lil Kristu u l-Evanġelju? Fejn mar u min laqgħu? Xi prezz kellu jħallas sabiex jevanġelizza tant persuni li kienu għadhom ma semgħux b’Ġesù? Kif ħares lejn ħutu l-Lhud l-oħra? Pawlu fehem li huwa kien għadu Lhudi jew inkella li kien daħal f’reliġjon oħra? X’inhuma l-punti ewlenin li Pawlu jitratta fl-ittri tiegħu, u kif dawn ġew interpretati matul iż-żminijiet? L-għan tagħna huwa li nsiru nafu aktar lil dan il-personaġġ Bibliku u l-messaġg tiegħu, u, filwaqt li nagħmlu dan, insaħħu t-twemmin tagħna f’Ġesù Kristu li għalih Pawlu jgħid, “Jiena ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi; minħabba fih ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu, u nkun ninsab fih.” (Fil 3,8-9) L-Ewwel Artiklu “Dawn l-ittri fihom xi ħwejjeġ li huma tqal biex wieħed jifhimhom” (2 Pt 3,16) Hemm tlettax-il ittra, li jagħmlu parti mit-Testment il-Ġdid, li huma attribwiti lil San Pawl. Ma’ dawn kien hemm ukoll l-erbatax-il waħda, l-Ittra lil-Lhud, li tradizzjonalment ukoll kienet attribwita lil Pawlu. Nistgħu, iżda, ngħidu li l-Appostlu San Pawl kiteb dawn it-tlettax-il ittra? U jekk le, kif nistgħu niddeċiedu liema huma l-ittri awtentiċi tiegħu? 113