Ktieb Festa 2020, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb 2020, Safi, Malta | Page 105
Każin Banda San Pawl, Safi Festa 2020
tissemma Natasha Zhdanova, tfajla kuraġġuża li tant
batiet taħt idejn Sergei Kourdakov u li għaliha jiddedika
dan il-ktieb.
Sergei beda jara l-ħajja minn lenti differenti meta
waqt ikla li fiha kienu preżenti diversi kapijiet tal-Partit
Komunista, intebaħ bl-ipokrezija li kienet teżisti. Fehem
li l-għan ewlieni ta’ ħafna mill-kbarat kien li jilħqu u
jistagħnew, u kienu jiġu għala biebhom mill-problemi
tal-bqija tal-poplu. Sergei tilef dik il-ħrara li kellu lejn
il-Komuniżmu u waħħalha f’moħħu li jistinka hu wkoll
biex jilħaq bħall-oħrajn, u addio ideali!
Lulju tal-1970 kellu jkun importanti fil-ħajja ta’
Sergei. Wara rejd li għamlu, huwa fettillu jitfa’ fil-but xi
materjal li kienu kkonfiskaw mingħand l-Insara. Għamel
dan bil-moħbi għax il-qari ta’ propoganda Kristjana kien
projbit. Malli sab mument kwiet, ħareġ dawk il-karti u
qagħad jaqra. Inzertat kitba meħuda mill-Vanġelu ta’
San Luqa. Oħroġ il-għaġeb, Sergei sab li dak il-materjal
ma kellu xejn ħażin kontra l-Istat, anzi kien fih messaġġ
ta’ mħabba u maħfra. Dik il-kitba messitlu qalbu u fih
reġgħet xegħlet xrara ta’ umanità li mbagħad kellha
twassal sabiex iħoss sogħba u jindem minn dak il-ħażen
kollu li kien wettaq kontra l-Insara.
Kien hawn li Sergei waħħalha f’moħħu li jibdel ħajtu.
Iddeċieda li mal-ewwel ċans li jiġih jaħrab minn pajjiżu.
Ipprova jagħmel dan għal darba tnejn, meta ppjana biex
jaqsam għall-Ungerija u t-Turkija, iżda l-ħsieb fallielu
minħabba fatturi li ma kellux kontroll fuqhom.
Issa ma setax jibqa’ jaqdi lill-pulizija sigrieta.
Qalilhom li ma xtaqx ikompli u xejn ma ħadu gost bih.
Tawh ċans biex jeħles mill-istudji li kellu, iżda wissewh
li kienu nvestew ħafna fih u ma kinux lesti li jħalluh
jitlaq minn taħt idejhom kif ġieb u laħaq. Ma damx ma
ggradwa bħala fizzjal fin-nejvi Sovjetika u ntbagħat fuq
bastimenti navali biex jakkwista iktar esperjenza.
Il-ħsieb li jaħrab baqa’ dejjem iberren f’moħħu. Sab
ix-xoqqa f’moxtha meta kienu jinsabu qrib il-kosta
Kanadiża, fl-oċean Paċifiku. Waqt maltempata qalila,
huwa qabeż il-baħar u telaq bil-għawm lejn l-art. Kien
nhar it-3 ta’ Settembru 1971. Ir-rakkont tal-ġlieda kontra
l-qawwa tal-baħar u l-kesħa kbira jżomm lill-qarrej fuq
ix-xwiek. Wara sigħat fl-ilma nġazzat huwa rnexxielu
jasal fuq ix-xatt, mifni u mitruħ. Jgħid li rnexxielu
jagħmel dan bl-għajnuna ta’ Alla li talbu u reħa ruħu
f’idejh bla ma biss kien jafu.
In-nies Kanadiżi ta’ Charlotte Island daru bih bi tjieba
liema bħalha. Minn hemm ħaduh fi Prince Rupert fejn
żammewh taħt sorveljanza fl-isptar. Bil-mod il-mod reġa’
rkupra saħħtu, imbagħad ħaduh Vancouver u Quebec.
Kien hawn li feġġ il-periklu li setgħu jagħtuh lura f’idejn
ir-Russi, iżda l-Providenza riedet mod ieħor.
Sa fl-aħħar tawh id-dokumenti meħtieġa biex ikun
jista’ jibqa’ jgħix il-Kanada, bħala immigrant politiku.
Issa, li kiseb il-ħelsien, ried li jfittex u jsir jaf tabilħaqq
min hu Alla. Ikkonverta u sar Kristjan ferventi.
Ried li jiddedika ħajtu sabiex jikxef il-qerq tattmexxija
Komunista u talab maħfra lil dawk l-Insara li
kien tant ħaqar – speċjalment lil dik it-tfajla kuraġġuża
– Natasha. Sergei xtaq juri, speċjalment liż-żgħażagħ
tamparu, li Alla mhux biss jeżisti, iżda li Hu għandu
s-setgħa li jbiddel il-ħajja ta’ kull min jinsab fit-triq ilħażina.
Miet – jew inqatel – meta kien għoddu għalaq 22
sena, nhar il-1 ta’ Jannar 1973.
Il-ġrajja ta’ Sergei Kourdakov nistgħu nqisuha waħda
minn dawk il-ħoloq li sawru dik il-katina illi finalment
waqqgħet il-Komuniżmu – dak il-Komuniżmu li kien
moralment kif ukoll spiritwalment fallut.
--------- --------- --------- --------
Il-qoxra talktieb
Aħfirli,
Natasha
Nota tal-Editur:
Il-ktieb Forgive Me, Natasha ġie maqlub għall-Malti
minn Paul Callus. Inħeġġiġkom takkwistaw kopja ta’ dan
il-ktieb li tassew juri l-qawwa tat-talb u l-konverżjoni.
Jekk tabilħaqq minn din l-istorja rridu nieħdu lezzjoni
Pawlina, nistgħu ngħidu illi kienet il-fidi ta’ Natasha
Zhdanova li wasslet lil Sergei Kourdakov għat-Triq ta’
Damasku u l-Konverżjoni.
Dik il-parti tal-ġrajja ta’ meta Sergei Kourdakov
tela’ l-art Kanadiża, tfakkarna wkoll fin-Nawfraġju ta’
San Pawl f’Malta: Fiż-żewġ każi n-nies laqgħuhom bi
ħġarhom, daru bihom, u tawhom dak kollu li kellhom
bżonn.
“Bonġu tfal, ftakru li Alla ma jeżistix” – silta minn
diskors ta’ Mons. Angelo Comastri prelat ta’ Ruma u
Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Pietru.
Nissuġġerilkom tisimgħu din il-priedka ta’ Mons.
Angelo Comastri ‘La drammatica storia di Sergei
Kourdakov (1951-1973). Da ateo comunista persecutore
di cristiani a cristiano perseguitato e ucciso’. https://
www.youtube.com/watch?v=yV5f0iqqPeI
103