Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi | Page 99
Każin Banda San Pawl, Safi
Festa 2019
It‑tfal Ħal Safin se jibqgħu
jitkellmu bid‑djalett?
minn Claire Zammit
BA (Hons) Malti
Ta’ spiss kien iberren il-ħsieb inkwetanti
li d-djalett fir-raħal tagħna aktar kemm qed
jgħaddi ż-żmien aktar qiegħed jinqata’.
Dan minħabba l-fatt li ftit li xejn tisma’
liż-żgħażagħ jew lit-tfal jitkellmu b’din il-
varjetà. Bħala studenta tal-lingwa Maltija,
iżda aktar minn hekk, bħala persuna li tħobb
lil Ħal Safi, spiss kienu jqumu mistoqsijiet
bħal: x’inhu jiġri mid-djalett tagħna, li
wara kollox huwa parti fundamentali mill-
identità tagħna? Se jintilef dan id-djalett
jew se jibqa’ jintuża minn ġenerazzjonijiet futuri? U
jekk jintuża d-djalett, f’liema kuntest jintuża? B’dawn
il-mistoqsijiet kollha ġo moħħi, iddeċidejt li nikteb it-
teżina tiegħi proprju fuq hekk.
L-ewwel pass kien li niddeċiedi kif se jissawwar dan
l-istudju. Għażilt li naħdem mal-ommijiet f’Ħal Safi mhux
biss għaliex jiena omm u allura stajt naqsam l-esperjenza
tiegħi ta’ kuljum, imma wkoll minħabba ċ-child directed
speech. Jiġifieri l-lingwa tat-tfal hija r-rifless tan-nies li
jsawruhom. Ħafna drabi l-aktar persuna li tinfluwenza
t-taħdit tat-tfal hija l-omm. Naturalment dan mhux
kollox, l-ambjent tad-dar u l-iskola huwa żewġ fatturi
importanti ferm li wkoll jiddeterminaw it-taħdit tat-tfal.
B’dan kollu warajja, iddeċidejt li nirrekordja
diskursati bejn l-ommijiet minn Ħal Safi, li jafu jitkellmu
bid-djalett tar-raħal, u t-tfal tagħhom. Iżda mhux biss,
ridt li nagħmel paragun bejn l-ommijiet li għandhom
edukazzjoni sekondarja u dawk li għandhom edukazzjoni
terzjarja. Imbagħad analizzajt jekk kienx hemm xi
differenzi kif dawn iż-żewġ gruppi ta’ nies ikellmu lil
uliedhom. Irrekordjajt b’kollox għaxar ommijiet. Kont
nesiġi li dan l-eżeċizzju jsir id-dar sabiex kemm l-omm
kif ukoll it-tfal ikunu fl-ambjent naturali tagħhom.
B’hekk ir-riżultati miksuba jersqu aktar lejn ir-realtà.
Minn din it-teżina ħareġ, l-ewwel u qabel kollox, li
d-djalett ta’ Ħal Safi huwa influwenti ħafna fuq dawn
il-kelliema. Huwa parti integrali mill-lingwaġġ tal-Ħal
Safin. L-ommijiet li waslu sas-sekondarja għandhom
aktar tendenza li jitkellmu bid-djalett. Tant li dan
jiġi mitkellem b’mod pjuttost frekwenti. F’dawk li
għandhom sfond edukattiv terzjarju stajt ninnota li huma
wkoll jużaw id-djalett fid-diskors tagħhom mat-tfal;
biss il-frekwenza mhijiex daqstant spissa. Naturalment
dan huwa sinifikattiv għaliex juri rabta intrinsika bejn
il-kelliem u l-ħajja soċjali li jgħix. L-ommijiet b’inqas
skola għandhom tendenza li joqogħdu d-dar, allura
huma aktar marbutin mar-raħal. Allura l-lingwaġġ
tagħhom huwa kkaratterizzat mid-
djalett u l-Malti Standard u kultant xi ftit
Ingliż, biss hemm sforz biex jużaw il-
lingwa nattiva. Min-naħa l-oħra, għandna
ommijiet li għandhom professjoni. Dawn
huma midħla ta’ aktar varjetajiet u huma
influwenzati iżjed mill-istigma li jġorr
miegħu d-djalett. Għaldaqstant fil-lingwa
tagħhom hemm aktar taħlit bejn il-Malti
Standard u l-Ingliż flimkien ma’ xi kliem
djalettali.
Analizzajt ukoll is-sitwazzjonijiet li fihom jitkellmu
bid-djalett dawn l-ommijiet li wħud minnhom jagħmlu
distinzjoni ta’ liema varjetà jużaw, skont jekk hux qed
jitkellmu ma’ żwieġhom, mat-tfal tagħhom, mal-ħbieb
jew inkella mal-barranin. Stajt ninnota wkoll xi kliem
marbut mal-affarijiet domestiċi li ħafna drabi dejjem
jingħad bid-djalett. Filwaqt li kliem marbut mal-annimali,
kuluri u numri ġeneralment jingħadu bl-Ingliż. Permezz
ta’ din it-teżina stajt nosserva wkoll li l-ommijiet jużaw
id-djalett meta jkunu jridu jesprimu xi sentiment bħalma
hija r-rabja jew inkella meta jkunu jridu joħolqu element
ta’ komiċità.
Tajt ħarsa wkoll lejn l-użu tal-Ingliż fil-lingwaġġ ta’
dawn l-ommijiet. Fl-aħħar nett, analizzajt xi ftit id-diskors
tat-tfal. Il-lingwa hija mera tas-soċjetà u allura hemm
differenza minn kif jitkellmu ż-żgħar u kif jitkellmu
l-kbar. Minkejja li dawn it-tfal fil-maġġoranza tal-ħin
jużaw il-Malti Standard, stajt ninnota li t-tfal jużaw
ħafna l-Ingliż fid-diskors tagħhom, sforz l-influwenzi
tad-dinja teknoloġika. Iżda, l-akbar influwenza neħduha
mingħand l-ommijiet tagħna u għaldaqstant, anke jekk
mhux b’mod regolari, stajt nara traċċi tad-djalett preżenti
qalb l-idjolett ta’ dawn it-tfal.
B’sodisfazzjon nista’ nikkonkludi billi ngħid li l-futur
jidher sabiħ għad-djalett ta’ Ħal Safi. Fortunatament, din
il-varjetà għadha ħajja u permezz ta’ dawn l-ommijiet,
se tibqa’ tintired maż-żminijiet. L-ommijiet jużaw ħafna
d-djalett kemm ma’ wliedhom u anke ma’ ta’ madwarhom.
Dan, ʼil quddiem, iwassal biex dawn iċ-ċkejknin jibdew
iħaddmu din il-varjetà huma wkoll, bit-tama li dan id-
djalett tant għal qalb il-Ħal Safin ma jmut qatt.
Fl-aħħar mill-aħħar għalkemm kienet mixja diffiċli
mhux ħażin, ninsab sodisfatta u kuntenta ferm li
l-imħabba li għandi għal dan ir-raħal wasslitni sabiex
inkun ta’ kontribut u niskopri aspetti interessanti dwar
dan ir-raħal.
90 Sena Soċjetà 1929-2019
30 Sena Banda 1989-2019
175 Sena Statwa Titulari 1844-2019
97