Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi | Page 7
Każin Banda San Pawl, Safi
Festa 2019
Mill‑Pinna tal‑Editur
Alexis Callus
Il-Każin Banda San Pawl Safi huwa
Soċjetà ħajja u attiva. Tagħti kontribut
qawwi fil-qasam kulturali u soċjali fil-
lokalità tagħna, kontribut li xi kultant jiġi
sottovalutat. Fil-binja tagħha, ta’ kuljum,
jiltaqgħu numru ta’ membri u ħbieb, li
wara ġurnata xogħol isibu mument ta’
żvog, mistrieħ, jew spalla. F’dan il-bini jiġi
diskuss ħafna, mit-temp u l-irwiegel, sal-
gwerer u t-taqlib dinji, l-isport u l-ġrajjiet
kurrenti, it-twelid, iż-żwieġ u l-imwiet… u
fuq kollox il-festa ta’ Missierna San Pawl. Min jaf jekk
dan kienx il-ħsieb ewlieni meta 90 sena ilu, f’Jannar tas-
sena 1929, twaqqfet is-Soċjetà Każin San Pawl minn
Pawlu Busuttil il-Fokli u Filomeno Cachia!
Kien hawn illi ntlaqa’ l-Prim Ministru Boffa fl-1949
meta f’Ħal Safi kien inawgurat id-dawl elettriku, u fejn
il-Ħal Safin iltaqgħu mal-Gvernatur Gerald Creasy. Kien
hawn li sar ir-riċeviment f’ġieħ il-Prim Ministru George
Borg Olivier fl-1962 wara li tpoġġiet l-ewwel ġebla tal-
iskola tal-lokal.
30 sena ilu kien hemm żviluppi oħra f’din is-Soċjetà.
F’Awwissu tal-1989 kien inawgurat il-bini l-ġdid tal-
każin, u f’Diċembru ta’ dik is-sena l-Banda San Pawl
Safi tat l-ewwel programm mużikali tagħha. Dan seħħ
wara li f’Ottubru tal-1988 is-Surmast Tony Pace assistit
mis-Sur Anthony Busuttil u s-Sinjura Sylvana Camilleri
organizzaw l-ewwel lezzjonijiet. Il-Kumitat tal-Każin
kien ħa ħsieb li jinxtraw l-istrumenti. Sal-lum, kull nhar
ta’ Erbgħa, il-Kummissjoni Banda tieħu ħsieb torganizza
lezzjonijiet b’xejn, għal dawk kollha li jixtiequ jitgħallmu
strument u jissieħbu mal-banda.
Dawn il-passi importanti għandhom jitfakkru u
għandna nuru kull apprezzament lejn dawk illi ħasbu
għal dan u għal dawk li llum qed ikomplu jsostnu u jżidu
fuq dak li nżera’.
Din is-sena, matul il-festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl
fil-25 ta’ Jannar, festa li f’Ħal Safi tiġi ċċelebrata b’tant
solennità, ġie mfakkar il-175 sena minn mindu l-istatwa
titulari nħarġet għall-ewwel darba. Kapulavur ta’ Xandru
Farrugia li flimkien mal-pedestall u l-bradella, xogħol ta’
Manwel Buhagiar, għadhom kif ġew irrestawrati b’mod
professjonali matul dawn l-aħħar snin.
Lokalità żgħira, iżda bi storja twila, dedikazzjoni u
ħidma li twassal għal festa kompluta, u fuq kollox, għat-
tkabbir u t-tixrid tal-kult Pawlin, li huwa evidenti f’kull
rokna ta’ raħalna.
Bis-saħħa ta’ din il-pubblikazzjoni
matul is-snin, wieħed għandu ġabra tal-
ġrajjiet ta’ din il-Għaqda. Hija l-intenzjoni
tiegħi illi nkompli dan il-legat, għaliex
huwa xieraq li dan il-kontribut jingħata
l-għarfien li jixraqlu.
Nixtieq nieħu din l-okkażjoni u
nirringrazzja lill-Kumitat tal-Każin Banda
San Pawl għall-fiduċja li wrew fija u li
għal sena oħra talbuni biex inkun editur
ta’ dan il-ktieb. Nirringrazzja wkoll lill-
kontributuri kollha, b’mod speċjali lis-Sur Paul Abdilla
li b’mod volontarju jagħmel il-qari tal-provi. Grazzi lill-
istamperija Best Print tal-Qrendi li b’ħafna dedikazzjoni
jipproduċu dan il-ktieb tant għal qalbna.
Nifraħ ukoll lill-Kunsill Lokali l-ġdid ta’ Ħal Safi
li kien elett fl-aħħar ta’ Mejju li għadda. Nawgura lis-
Sindku s-Sur Johan Mula kif ukoll lil dawk eletti kollha
biex ikomplu jaħdmu għal Ħal Safi u jkomplu jkunu ta’
appoġġ lil din is-Soċjetà.
Bejn Diċembru u Jannar li għadda kelli l-opportunità
nipparteċipa ma’ grupp ta’ persuni f’xogħol volontarju
mat-tfal f’Elbasan u f’Pogradeč fl-Albanija. Din kienet
esperjenza mill-isbaħ li nissuġġeriha lil kull min għadu
m’għmilhiex. Matul din l-esperjenza ma naqsitx il-
preżenza tal-Kbir Appostlu, li huwa wkoll mess ma’ din
l-art fil-mixja evanġelika tiegħu.
Billejl Pawlu kellu viżjoni; ra raġel mill-Maċedonja,
wieqaf, jitolbu hekk, “Ejja l-Maċedonja u għinna.”
[Atti:16:9]
Pawlu sema’ l-kelma ta’ Ġesù, u minn Tessalonika
mar lejn il-Maċedonja minflok lejn l-Asja. B’hekk
qasam it-toroq tar-Rumani li kienu jwasslu mill-muntanji
tal-Greċja lejn Pogradeč fl-Albanija u qasam il-lag ta’
Ohrid fejn kompla bil-missjoni tiegħu ta’ konverżjoni fl-
Ewropa.
Lil kull min għandu pożizzjoni ta’ poter, nappellalu
biex juża l-kariga li għandu biex iwettaq il-ġid u jsaħħaħ
il-komunitajiet tagħna, biex inkomplu nħeġġu lin-nies
jipparteċipaw u jixprunaw it-tradizzjonijiet tagħna
b’mod speċjali dawk kulturali. Huwa importanti li
jkunu peżenti fejn ikun hemm il-bżonn, fejn ikun hemm
is-sejħa, biex b’hekk jaraw li ħadd ma jibqa’ lura. Din
ukoll hija l-missjoni tagħna, kulħadd imsejjaħ minn fejn
qiegħed.
Nawguralkom festa mill-isbaħ u qari mill-aħjar.
Viva San Pawl!
90 Sena Soċjetà 1929-2019
30 Sena Banda 1989-2019
175 Sena Statwa Titulari 1844-2019
5