Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi | Page 62

Festa 2019 Każin Banda San Pawl, Safi San Pawl: Jidher rasu iebsa, imma żgur mhux ta’ qalb iebsa Sod fid-Determinazzjoni, iżda Miftuħ għall-Ġdid tal-Mulej il-Kan. David Farrugia Kappillan Bil-mod il-mod l-istaġun tal-festi qed joqrob lejn tmiemu, imma għar-raħal tagħna ma nistgħux ngħidu li jkun għadda s-Sajf minn fuqna jekk fl-aħħar Ħadd ta’ Awwissu ma niċċelebrawx il-Festa hekk għażiż għalina f’ġieħ l-Appostlu missierna San Pawl u l-Konverżjoni tiegħu. Għalhekk waqt li nagħti merħba lil kull min qed jaqra dawn il-kelmtejn, f’isem il-Ħalsafin insellem ukoll lil dawk il-Ħalsafin li joqgħodu fi rħula oħra, u lill- Pawlini kollha, li din is-sena ser jingħaqdu magħna f’xi ħin matul il-ġimgħa tal-festa. Ma nafx qattx innutajtu, imma apparti l-25 ta’ Jannar, u għalina f’Ħal Safi, fil-jiem tal-festa ta’ Awwissu wkoll, il-Liturġija tal-Knisja toffri għar-riflessjoni tagħna l-insara l-ġrajja ta’ Sawlu ta’ Tarsu fit-triq lejn Damasku fejn sejjaħlu l-Mulej, hekk kif irrakkontata fl-Atti tal- Appostli 9: 1-20, anke fi Żmien il-Għid, eżattament nhar il-Ġimgħa tat-Tielet ġimgħa ta’ żmien il-Għid. U din is-sena, eżattament nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Mejju 2019, il-Papa Franġisku waqt il-quddies li ċċelebra fil- Kappella tad-Dar Santa Marta fil-Vatikan, fl-omelija tiegħu qal li l-Konverżjoni ta’ San Pawl hi paġna ġdida fl-istorja tas-salvazzjoni: “il-Konverżjoni ta’ San Pawl hi ftit bħal bieb miftuħ lejn l-universalità tal-Knisja.” - mis-salvazzjoni tal-poplu Lhudi biss, bil-figura ta’ San Pawl b’mod partikulari, il-Knisja tasal li tibda tagħraf li s-salvazzjoni hi offruta lill-pagani, lill-ġentili u lil kulmin ma kienx Lhudi. Imma kif nistgħu naslu biex bħala nsara inkunu Knisja bil-bibien miftuħin? Il-Papa jippreżentalna żewġ karatteristiċi meħuda minn San Pawl innifsu. Konsistenza u Ħeġġa Sawlu kien bniedem ta’ rieda qawwija, innamrat mal- Liġi ta’ Alla, mas-safa tal-liġi. U din kienet ir-raġuni li għamlitu jidher bħala bniedem rasu iebsa, u qaddej akkanit ta’ persekuzzjoni mnehdija mill-awtoritajiet reliġjużi Lhud kontra l-ewlenin insara hekk li “kien qiegħed jagħmel ħerba mill-Knisja.” [Atti 8:3]  Hu kien jaħseb li jekk dawn jaslu biex jitkeċċew mis-sinagogi u saħansitra jinqatlu, kien “ikun qiegħed jagħti qima lil 60 Alla”  [Ara Ġw 16:2-3] ladarba jkun qed isaffi lill-poplu ta’ Alla minn kull ereżija u minn kull min ixerrida. Għalhekk hu beda jippersegwita lill-insara għax kien konvint li dak kien li jrid Alla f’dak il-mument minnu; kien imexxieh iż-żelu li kellu għas-safa tad-dar ta’ Alla, għall-glorja t’Alla. Għaldaqstant, minkejja li fil-ħeġġa tiegħu kien qed juri ċerta guffaġni fl-aġir, ejjew nagħrfu iżda li kien pjuttost koerenti mal-prinċipji li kien iħaddan. B’hekk kien lest li jirriskja u jibqa’ miexi, anke jekk dan ma kienx jagħmlu wisq popolari u maħbub. Doċilità u Ftuħ għall-Għarfien u s-Smiegħ tal-Vuċi ta’ Alla Forsi t-temperament ta’ Sawlu ta’ Tarsu jidher pjuttost riġidu, imma sa mill-bidunett b’ċertezza nistgħu ngħidu li qalbu u l-ispirtu tiegħu żgur ma kinux. Qalb San Pawl fil-fatt kienet doċli għal-leħen ta’ Alla: hu mill-ewwel wera li kien miftuħ għas-suġġerimenti ta’ Alla ħaj għax ladarba sama’ leħen il-Mulej Ġesù glorjuż, sar donnu tifel u ħalla lilu jmexxih. Il-konvinzjonijiet kollha li kellu siktu hu u jistieden leħen il-Mulej jiggwidah: “X’għandi nagħmel, Mulej?” U mar lejn Damasku, jiltaqa’ ma’ Ħananija, raġel li dewwqu, għallmu, u għamlu ħabib mal-Evanġelju u għammdu ħalli hekk jieħu d-dawl. Hu aċċetta kollox u reġa’ ħa s-saħħa u jmur lejn l-Għarabja biex jitlob, ma nafux għal kemm żmien, sakemm ma jibda jidħol aktar fil-ħajja u fil-missjoni nisranija pjuttost ġdida fost il-ġnus, b’tant ħeġġa u perseveranza. U aħna: Ser inħallu dawn il-kwalitajiet jimmarkaw lil ħajjitna? U meta aħna ser inħarsu lejna nfusna u lejn il-figura ta’ San Pawl, sabiex niċċelebrawh b’mod speċjali f’dawn il-jiem, ser inkunu ningħarfu tassew bħala dawk imnisslin minnu fil-fidi? Ser inkunu kapaċi nuru li qed insiru Knisja kif xtaq, ħadem, u stinka għaliha San Pawl: Knisja bil-bibien miftuħin li tiltaqa’ mal-bniedem ta’ llum u ta’ għada? - Fejn hi l-Ħeġġa u l-Perseveranza għal Alla u għal dak li hu tiegħu? 90 Sena Soċjetà 1929-2019 30 Sena Banda 1989-2019 175 Sena Statwa Titulari 1844-2019