Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi | Page 59
Każin Banda San Pawl, Safi
Festa 2019
Ma nħallux li jintilef il‑valur Nisrani
mill‑festi tagħna
Carmel Callus
Viċi President tal-Każin tal-Banda San Pawl
Din is-sena, il-festa f’ġieħ l-Appostlu
Missierna San Pawl fir-raħal tagħna għandha
tifsira speċjali peress li qed niċċelebraw il-
175 sena minn mindu l-vara artistika ta’ San
Pawl waslet fostna u ħarġet għall-ewwel
darba proċessjonalment fit-toroq tar-raħal
tagħna. Jien ilni mas-60 sena involut b’xi mod
jew ieħor f’din il-festa tant għażiża għalija,
l-ewwel bħala abbati fl-ewwel snin ta’ ħajti
fi żmien il-wisq maħbub kappillan Mons
Dun Bert Bezzina, imbagħad b’involviment
dirett fil-knisja tul it-tmexxija ta’ għadd ta’
kappillani oħra li kellna fostna mill-bidu tas-snin sittin ’l
hawn, b’mod partikolari l-Kappillan Dun Karm Lia li kellu
post speċjali f’qalbu għal Ħal Safi u l-komunità Ħalsafija u
li miet waqt li kien għadu jservi fir-raħal tagħna.
Għadni niftakar il-festa ssir fil-ġurnata liturġika
tagħha, jiġifieri fil-25 ta’ Jannar, meta, bħala tfal, konna
nieħduha ġurnata vaganza mill-iskola biex inkunu nistgħu
nieħdu sehem fil-quddiesa solleni ta’ filgħodu. U meta
kien jagħmel il-maltemp, tistgħu taħsbu xi dwejjaq kien
jaqbadna għaliex avolja l-purċissjoni kienet issir fl-ewwel
Ħadd ta’ wara, jekk it-temp kien jippermetti, ma konniex
inħossu dak l-ispirtu li konna nħossu fil-jum proprju tal-
festa.
Dak iż-żmien ma kienx isir ix-xalar li qed isir illum.
Qalbna kienet marbuta mal-festa reliġjuża. Ħafna, kbar
u żgħar, konna nattendu l-attivitajiet kollha li kienu jsiru
fil-knisja u anki nieħdu sehem fihom. Inklużi t-tridijiet
fejn konna nitgħaxxqu nisimgħu l-mużika ta’ Maestro
Paolo Nani bl-orkestra tkun immexxija minn qarib ta’
Paolo Nani, bl-istess isem. Il-festa, għalina, kienet tfisser
L‑E.T. Mons Arċisqof Charles Scicluna waqt iż‑żjara riċenti tiegħu
f’Ħal Safi. Fir‑ritratt jidher il‑Kappillan Kan Dun David Farrugia
u tfajjel.
li ngħaddu ġimgħa madwar San Pawl bħala
l-patrun tagħna.
Maż-żmien, il-festa kompliet tikber.
L-aktar fil-festi esterni. Biex b’hekk,
sfortunatament, beda jintilef il-valur
reliġjuż tal-festa. Jien m’għandi xejn kontra
l-festi esterni, imma naħseb li ħafna l-lum
qed iħarsu lejn il-festi bħala biss mezz ta’
xalar. Li ma għandux ikun. Hemm ħafna
li b’xi mod jew ieħor jagħtu sehem attiv
għall-festa imma jiddispjaċini ngħid li ftit
biss minnhom li għall-anqas fil-ġimgħa tal-
festa jersqu lejn il-knisja biex jagħtu qima lil dak li suppost
ikunu qegħdin jiċċelebraw b’mod attiv il-festa tiegħu.
Hemm bżonn li għallanqas matul il-ġimgħa tal-
festa nuru bil-fatti li tabilħaqq nemmnu f’San Pawl u li
tabilħaqq inħobbuh. Dan mhux billi fl-aħħar jum tat-tridu
mmorru ngħajtu ħafna eloġji quddiem l-istatwa ta’ fuq iż-
żiemel, għax dan ma jfisser xejn meta lanqas biss nersqu
lejn l-Istatwa li ilha fostna 175 sena.
Ejjew naħdmu flimkien biex inżommu l-festi bħala
festi Nsara. Bil-fatti u mhux bil-paroli u t-twerżiq.
Xieraq għalhekk li nirriferi għal diskors li għamel dan
l-aħħar, permezz tal-mezzi soċjali, Mons Arċisqof Charles
Scicluna, fejn appella biex filwaqt li niċċelebraw u nieħdu
pjaċir bil-festi tal-qaddisin, ma ninsewx li l-festi għandhom
narrativa reliġjuża. Mons Arċisqof qal li l-valuri Kattoliċi
għandhom ikunu preżenti fil-festi b’mod speċjali fil-mod
kif nitkellmu fuq xulxin għaliex dan jiddetermina jekk hux
qed niċċelebraw il-festi ta’ Nsara jew ta’ pagani.
L-Arċisqof esprima l-inkwiet tiegħu meta fil-festi
ż-żgħażagħ jiltaqgħu mad-droga għall-ewwel darba. Qal
li min qed iressaq din it-tentazzjoni lejn iż-żgħażagħ
għandu jħallas quddiem il-ġustizzja ta’ Alla. Huwa stqarr:
“Jien tinkwetani ħafna meta nisma’ li ż-żgħażagħ tagħna
qegħdin jiltaqgħu mad-droga għall-ewwel darba fil-festa
tal-qaddis. Dan ma jagħmlilniex unur. U min liż-żgħażagħ
tagħna jagħtihom din it-tentazzjoni, irid iħallas quddiem
il-ġustizzja t’Alla.
“Jiena nibża’ meta naħseb kemm inkwiet ikollhom
il-ġenituri meta ż-żagħżugħ joħroġ għall-marċ,
mingħalihom, u jidħol imdamdam. Għidli inti, tkun omm
u missier, x’jibqa’ fik. Iħassarlek il-festa, kif ngħidu.
‘Aħna tħassarlix il-festa!’ Imma aħna hekk qed nagħmlu
lil xulxin bis-sokor u bit-tħabrit, li ma jixraqilniex. Aħna
tajjeb li niċċelebraw u niddevertu imma hemm mod u mod
kif tagħmilhom,” kompla l-Arċisqof filwaqt li awgura lil
kulħadd biex il-festi tagħna jibqgħu festi sbieħ li fihom
niċċelebraw u tassew nifirħu flimkien.
90 Sena Soċjetà 1929-2019
30 Sena Banda 1989-2019
175 Sena Statwa Titulari 1844-2019
57