Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi | Page 45

Każin Banda San Pawl, Safi Festa 2019 Nieħdu interess fil‑banda tagħna Mro Michael Bugelli A.T.C.L. Surmast Ix-xahar ta’ Awwissu jġib miegħu bosta festi u kif tgħaddi Santa Marija, il-ħarsa tagħna tintefa’ fuq il-festa ta’ San Pawl ta’ Ħal Safi. Issa ili ftit mhux ħażin surmast tal-Banda San Pawl ta’ Ħal Safi. Iż- żmien igerbeb malajr. Inħares lura u nara ħafna sodisfazzjonijiet ma’ din il-banda. Nimmeravilja ruħi kif raħal żgħir bħal dan għandu qalb daqshekk kbira, imħabba li tħeġġeġ nar għal San Pawl. Dan bla dubju ta’ xejn huwa preġju tal-poplu ta’ Ħal Safi. Is-sodisfazzjon tiegħi ma’ din il-banda narah fin-numru ta’ allievi u bandisti li rnexxieli noħroġ matul is-snin u d-diversi programmi u akkademji li għamilna kemm fil- festa kif ukoll f’anniversarji importanti matul is-snin. Ix-xogħol tiegħi huwa li nagħti rendikont u nagħmel riflessjoni fuq il-banda u l-mużika. Dan nagħmlu b’obbligu u kif jistipula l-istatut ta’ din is-Soċjetà. Lejn l-aħħar tas-snin tmenin din l-għaqda daħlet għal impenn serju, dak li minn circolo ssir banda mużikali. Ħafna jaħsbu li din hija deċiżjoni sempliċi minn dawk bħall- oħrajn. Fil-verità meta wieħed jidħol biex iwaqqaf banda ġdida jkun dieħel għal impenn diffiċli, proġett kbir li m’għandu l-ebda final imma li jiżviluppa ruħu sakemm il-banda tilħaq livell għoli tassew, u kif nafu, tajjeb kemm ikun tajjeb, qatt mhu biżżejjed. Qatt ma tista’ tgħid li lħaqt is-sema b’idek. Aħna f’Malta, qed naffaċċaw problemi kbar f’dan is-settur. Il-baned ma tistax tgħid li għadhom bħalma kienu darba. In-numru tal-allievi qed jonqos u l-interess inġenerali fil-banda mhuwiex jiżdied. Illum in-nies għandha ħafna affarijiet fuq xiex tedha. Ma nafx onestament kemm il-mużika tal-banda għadha ta’ interess għan-nies. Naf li forsi qed inkun pessimist imma dik hija l-impressjoni li qed nieħu. Il-banda għadha tagħmel sens għan-nies? U f’każ li hemm dan l-apprezzament lejn il-banda, sa liema livell hija apprezzata? Biex naqbżu fil-briju biss? Aħna f’Ħal Safi nagħmlu programm mużikali sabiħ u nistqarr magħkom li nieħu pjaċir immens meta nara attendenza tajba. Nixtieq li l-poplu ta’ Ħal Safi jmur oltre minn hekk u jibda jressaq lil uliedu aktar għat-tagħlim tal-mużika. Nixtieq nara ġenituri jieħdu aktar interess fil-kultura tagħna u jqarrbuhom lejn is-Soċjetà tagħna, forsi anke b’hekk jiltaqgħu miegħi u nitkellmu dwar il- possibbiltajiet ta’ tagħlim li jeżisti. Nixtieq ukoll indawwal lin-nies fit-tmexxija tal-għaqda tagħna biex jagħmlu prijoritajiet favur il- banda u l-mużika. X’jiġi l-ewwel, il-briju jew il-banda? CD tal-kant jew tal-marċi proprja? L-għażla mhijiex f’idejja. Kull deċiżjoni li tittieħed tirrifletti u tinfluwenza l-progress tal-banda. Bħalissa fil-baned hawn ċerta kriżi f’kull qasam. Qed nindunaw li ċerti għaqdiet issa għandhom il-problema tal-kera tal-każin li qed tinfluwenzahom ħafna. Il-banda per se saret problema oħra kbira kullimkien. Jiġifieri fir- realtà, il-baned qed jesperjenzaw traġedja ġo traġedja u fi traġedji bħal dawn kapaċi nissagrifikaw il-banda l-ewwel. Irridu noqogħdu attenti però għax meta l-livell tal-banda u tal-mużika jaqa’ ’l isfel mhux lakemm ittellgħu ’l fuq sparat. Il-messaġġ li qed nipprova nwassal huwa li nħeġġeġ lin-nies japprezzaw dak li hu ġenwin u artistiku u li għadu mhux imniġġes mill-egoiżmu tal-bniedem. Għax meta jidħol l-egoiżmu u jidħlu l-flus, l-ebda opra artistika ma tibqa’ li hi. Ejjew nieħdu pjaċir bil-banda kif suppost nagħmlu ġenwinament. Nagħlaq dan il-messaġġ billi nħeġġeġ lin-nies jiġu mal-banda kull fejn tmur iddoqq. Ejjew u imxu mal- banda ħalli tisimgħu l-marċi sbieħ li għandna. Ejjew għall-programm tal-festa li se jkun programm sabiħ immens b’diversi solisti, anke b’solisti tal-banda tagħna stess. Ejjew nieħdu interess fil-mużika u fil-progress tal- banda tagħna. Nirringrazzja lil kulħadd u nawgura l-festa tajba lill-Ħal Safin kollha. 90 Sena Soċjetà 1929-2019 30 Sena Banda 1989-2019 175 Sena Statwa Titulari 1844-2019 43