Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi | Page 43

Każin Banda San Pawl, Safi Festa 2019 Kummissjoni Banda San Pawl Emmanuel Zahra Għeżież Pawlini Ħal Safin, huwa ta’ unur għalija li qed nerġa’ naqsam il-ħsibijiet tiegħi magħkom għal sena oħra f’dan l-ispazju provdut lili f’din il-ħarġa tal-ktieb tal-festa ad unur il-Kbir Appostlu Missierna San Pawl. Li tkun delegat tal-banda llum saret biċċa wġigħ ta’ ras kbira, u dan ma ngħidux jiena waħdi, imma kull delegat tal-banda huwa tal-istess ħsieb. Bħas-snin ta’ qabel, is-sehem prinċipali tal-banda tagħna fil-festa jkun il-programm vokali u strumentali tal-Ħamis filgħaxija fil- ġimgħa tal-festa fuq il-planċier artistiku tagħna armat fil- pjazza. Dan il-programm jirrikjedi ħafna ħsibijiet, xogħol u preparamenti, u għaldaqstant nixtieq nirringrazzja ħafna lill-bandisti tal-post kif ukoll lill-bandisti barranin għas- servizzi kollha li jagħtu matul il-ġimgħa tal-festa kif ukoll matul is-sena. Nixtieq nappella lil dawk kollha li jagħtu s-sehem tagħhom biex ikomplu jkunu ta’ għajnuna fil- bżonnijiet ta’ matul il-festa u nawguralhom aktar saħħa biex ikunu jistgħu jagħtu s-sehem tagħhom bl-aħjar mod. Fil-preżent għandna seba’ aljievi jitgħallmu strument mal-banda. Lil dawn nawguralhom kull suċċess. Nixtieq u nħeġġeġ aktar żgħażagħ jersqu lejn il-każin sabiex jagħtu daqqa t’id fil-ħtiġijiet li jkun hemm bżonn, u ta’ dan nirringrazzjahom bil-quddiem. Din is-sena l-Banda San Pawl tagħlaq 30 sena mill- fondazzjoni tagħha. Bħas-snin ta’ qabel il-banda kellha diversi servizzi kemm f’Ħal Safi kif ukoll fi bliet u rħula oħra. Fit-30 ta’ Diċembru sar is-servizz tal-Milied fejn indaqqew diversi melodiji marbutin ma’ dak il-perjodu tas-sena, u fil-25 ta’ Jannar tajna sehemna fiċ-ċelebrazzjoni tal-festa liturġika ta’ San Pawl fl-okkażjoni tal-175 sena tal- miġja fostna tal-vara titulari ta’ San Pawl f’Ħal Safi. Fis- 7 ta’ Lulju l-banda tat servizz waqt il-festa ta’ San Pawl Martri fir-Rabat Malta u fl-4 ta’ Awwissu waqt il-festa ta’ San Pietru fil-Ktajjen f’Birżebbuġa. Fis-17 ta’ Jannar il-banda daqqet waqt il-funeral tal- mibki Joseph Callus, eks President, Membru Onorarju kif ukoll ċentrali fil-ħidma tan-nar għal diversi snin. Nixtieq nirringrazzja lil sħabi kollha tal-kumitat ċentrali u tas-sottokumitati, lill- bandisti tal-post u dawk li jiġu minn barra ta’ kull sena biex iferrħuna bid-daqq tagħhom. Insemmi bi prominenza lill-bravu Surmast Mro Michael Bugelli, l-Assistent Surmast is-Sur Charles Wallace Suda u lill-Konsulent tal-Banda s-Sur Saviour Spiteri tal-impenn tagħhom fix- xogħol li jagħmlu mal-banda San Pawl. Nagħmel referenza wkoll għall-kummissjoni planċier ta’ dak kollu li qed jagħmlu b’risq din l-opra tant għal qalbna. Grazzi wkoll lill- Kappillan, il-Kan. Dun David Farrugia, għall-ħidma tiegħu fil-parroċċa li hija tant siewja, kif ukoll lil dawk il-qassisin li jassistuh. Nawguraw lis-Surmast fundatur tal-Banda San Pawl, is-Seminarista Tony Pace fil-mixja spiritwali tiegħu lejn is-saċerdozju, kif ukoll lid-direttur spiritwali tagħna Dun Karm Zammit li dejjem jitlob għalina. Apprezzament imur lill-kunsill lokali mmexxi mis- Sindku s-Sur Johan Mula u lill-kunsillieri kollha, lill- pulizija li jassistuna fil-festa u li jżommu l-ordni, lis-soċjetà ċivili kollha li mingħandhom dejjem sibna koperazzjoni mill-aqwa. Grazzi kbira tmur lis-soċji tas-socjetà tagħna li għal dawn l-aħħar 90 sena taw kontribut kbir lill-festa f’ġieħ l-Appostlu Missierna San Pawl. Lilkom illum membri u residenti, grazzi tal-appoġġ tagħkom matul is-sena kollha, bl-għajnuna tagħkom u bil-finanzjament tagħkom. Nawgura l-festa it-tajba lil kulħadd. O Kbir Appostlu itfa’ l-barka, itfa’ s-sliema fuq uliedek Ħal Safin. Viva San Pawl! Il‑Banda San Pawl Safi mal‑Kumitat Ċentrali waqt il‑festa ta’ San Pawl ir‑Rabat (Malta) 90 Sena Soċjetà 1929-2019 30 Sena Banda 1989-2019 175 Sena Statwa Titulari 1844-2019 41