Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi | Page 31
Każin Banda San Pawl, Safi
Festa 2019
Mill‑Maħżen tal‑Armar
mill-Kummissjoni tal-Armar
Għeżież Pawlini, waslet festa oħra f’ġieħ il-
patrun għażiż tagħna. Din is-sena hija iktar importanti
minħabba li qed niċċelebraw tliet anniversarji importanti
għalina. Minn sena għal sena l-grupp tal-armar jibqa’
għaddej bil-ħidma tiegħu. Bħas-snin l-imgħoddija konna
impenjati bl-attivitajiet. Għal żmien il-Milied ħadna
ħsieb li narmaw il-pjazza u t-toroq tas-soltu. Din is-sena,
b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali u Vince Cutajar,
żdied aktar armar tal-Milied madwar id-dawra tal-
pjazza. Għal żmien il-Milied tellajna wirja ta’ presepju
rustiku fil-katina tal-każin. Żammejna l-appuntament
annwali tagħna biex għas-sitt sena konsekuttiva tellajna
l-wirja marbuta mal-Ġimgħa l-Kbira ġewwa ċ-ċentru
parrokkjali. Grazzi kbira lill-esibituri kollha li ħadu
sehem. Għat-tielet sena, flimkien mas-sezzjoni Żgħażagħ
Pawlini u Safi Drama Group, tellajna l-Via Sagra Animata
bl-isem Triq tal-Imħabba mat-toroq ta’ Ħal Safi. Matul
din is-sena, is-Sur Charles Polidano organizza tliet ikliet
ġewwa Montekristo Estates bħala parti mill-ġbir ta’
fondi, fejn parti mill-qligħ mar għax-xogħol li qed isir
ġol-maħżen.
Il-ħidma ġol-maħżen ma tieqaf qatt. Din is-sena
tkompla x-xogħol fil-maħżen tal-armar sabiex ikollna
aktar spazju għall-armar il-ġdid li qed inżidu. Kif
għaddiet il-festa tnaddfet il-bitħa tal-maħżen mill-ħaxix
ħażin u bl-għajnuna ta’ Polidano Group u Saviour Grixti
ngħatat kisja konkos. Ħadna wkoll ħsieb biex issir kċina,
grazzi għal Saviour Grixti għall-għajnuna tiegħu biex sar
ix-xogħol meħtieġ.
Din is-sena nbidlet il-liedna ta’ Triq l-iskola, kif ukoll
saret manutenzjoni ta’ xi festuni. Komplejna nibdlu
d-dawl tal-knisja għal bozoz LED. Din is-sena biddilna
l-bozoz tal-koppla u l-kampnar u b’hekk issa d-dawl
estern tal-knisja inqaleb kollu għal LED. Din is-sena
saret ukoll manutenzjoni fuq il-lifter tal-Soċjetà, grazzi
għal Mario Camilleri tax-Xambekk.
Is-sena l-oħra, 2018, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet
tal-25 sena mill-miġja ta’ San Pawl fuq iż-żiemel,
inawgurajna waħda mis-sett ta’ erba’ bandalori, disinn u
sfumar ta’ Albert Borda u ħjata ta’ Tessi Magri. Dawn
il-bandalori se jkunu qed jirrappreżentaw l-erba’ isqfijiet
marbutin mal-parroċċa tagħna.
Dan il-proġett se jkun qed isebbaħ Misraħ San
Ġużepp minn fejn tgħaddi l-purċissjoni. Matul din is-
sena tkompla u tlesta x-xogħol fuq dawn il-bandalori.
Bħala parti mill-anniversarji li qed niċċelebraw din is-
sena ħdimna fuq sorpriża li se tkun qed tinkixef fil-marċ
tal-aħħar tridu disinn, bi sfumar ta’ Alan Xerri u ħjata ta’
Tessi Magri, li se tkompli tikkumplimenta mal-armar li
għandna. Tkompla x-xogħol fuq il-planċier artistiku, fejn
il-bronż tal-faċċata wasal fi stat avvanzat sewwa.
Intemmu dan il-messaġġ billi nħeġġu aktar nies
sabiex jingħaqdu ma’ din il-familja Pawlina. Inħeġġukom
ukoll sabiex matul il-ġimgħa tal-festa tarmaw il-faċċata
tad-djar u l-arbli tagħkom. Fuq kollox nirringrazzjaw
lill-voluntiera u l-benefatturi kollha li joffru l-ħin u
l-għajnuna tagħhom meta jkollna bżonn. Nirringrazzjaw
ukoll lill-kappillan, lill-membri tal-kunsill lokali, lill-
kumitat ċentrali u sezzjonijiet l-oħra fi ħdan is-Soċjetà
Pawlina.
Nagħlqu dan il-messaġġ billi nirringrazzjaw lilkom
Ħal Safin li dejjem tattendu għall-attivitajiet tagħna
matul is-sena u nħeġġukom sabiex tingħaqdu magħna
fil-festa f’ġieħ l-Appostlu Missierna San Pawl.
Il-festa t-tajba!
Viva San Pawl!
Il-Kumitat tal-Festa
Każin San Pawl
jinkoraġġixxi
t-tiżjin ta’ gallariji u bjut
fil-ġranet tal-festa.
90 Sena Soċjetà 1929-2019
30 Sena Banda 1989-2019
175 Sena Statwa Titulari 1844-2019
29