Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi | Page 157

Każin Banda San Pawl, Safi Festa 2019 Laqmijiet f’Ħal Safi u kif oriġinaw (It-tieni parti) minn Jinny Cachia Bob u Cliff Fi żmien l-Ingliżi, id-dar numru 20, Triq Santa Marija, kienet okkupata mis-Servizz Ingliż. Għal xi żmien kienu joqogħdu fiha żewġ uffiċjali bl-isem ta’ Bob u Cliff, li kienu ħbieb u dejjem flimkien. Kienu saru midħla u maħbubin sew mal-irġiel Ħal Safin għax kienu jiltaqgħu jixorbu fil-Blue Star Bar ta’ Monreal. Carmelo Zammit (Marċjal) u martu Gita kellhom tewmin Pawlu u Leonardu. Dawn iż-żewġ subien kienu jarawhom dejjem mixjin flimkien bħaż-żewġ fizzjali u malajr laqqmuhom Bob u Cliff! Lil Nardu sal-aħħar baqgħu jgħajtulu Cliff! Leonardo (Cliff ) u Pawlu (Bob) Zammit (Ritratt ta’ Sulina Monreal miżżewġa Zammit) Ċafnaċej Ġanna Busuttil ta’ Serek kienet għadha żgħira ħafna u ma tantx kienet tiflaħ. Kienet tisma’ min jgħidilha kemm hi safra. Allura, meta kienet tkun ma tiflaħx, kienet tistaqsi, “ċafna ċej?” Riedet tfisser, “safra xejn?” Bħas-soltu, il-kbar jiggustaw it-tfal żgħar kif jitkellmu, u baqgħetilha taċ-Ċafnaċej! Dupow Pawlu Zammit diġà kien magħruf bħala taż-Żann. Dak iż-żmien l-iskola ma kinitx obbligatorja u apparti minn hekk, Ħal Safi ma kienx hawn skola. Allura l-maġġoranza tan-nies ma kinux jafu jiktbu jew jaqraw. La bil-Malti u lanqas bl-Ingliż. Inqas u inqas il-pronunzja tal-Ingliż. Pawlu kellu bżonn imur id-depot u qalilhom li mar id-dupow! Xi ħadd li semgħu, daħaqha, u malajr sar magħruf bħala d-Dupow! Mażok Pawlu Mangion kien il-barbier tar- raħal. Kellu l-ħanut fil-kantuniera ħdejn il-kappella ta’ Santa Marija. Kien jiġi mill- familja ta’ Mażuga miż-Żurrieq. Hawn Ħal Safi dawruha u laqqmuh Mażok. Wara mewtu l-ħanut ħadu f’idejh in-neputi Frenċ Busuttil taċ-Ċali. Il‑Murkont Vincenzo Busuttil il-Murkont. Lil ommu kienu jsibuha bħala l-Murkanta. Ħutu kienu Pawlu, Nardu, Ġanni, Karmnu u Manan. Mill-ewwel żwieġ tiegħu ma’ Klara kellu lil Ġanna. Mit-tieni żwieġ ma’ Karmena Caruana mill-Gudja kellu lil Frenċ, Marì u Klara. Ċensu kien jaħdem ir-raba’ li kellu wara l-Ġnien ta’ Ball. Kellu raba’ tajjeb ħafna u kien anke jkabbar il-qoton u l-ħlewwa. Kien saħansitra jesporta l-prodotti tiegħu. Kellu baqra tar-razza ħamra pura biex jaħrat biha, jidres il-qiegħa u ġġorr il-krietel bil-patata lejn ix-xatt tal-Marsa. Meta l-baqra kella ferħa, Marì, it-tifla tiegħu, tiftakar li missierha kien imur għand Peppu ta’ Tona biex iħarriġha. Kienu jorbtulha żewġ ħbula mal-kappestru u jiddiriġuha biex tissoda fuq saqajha u timxi. Meta staqsejt għaliex Murkont, Marì għolliet subagħha l-werrej lejn moħħha u qaltli, “Missieri kien jilħaqlu! Kien negozjant, jaf jinnegozja sew. Jiġifieri kien merkant tajjeb u għalhekk qalgħuhielu l-Murkont.” Fir-reġistru elettorali tal-1945, jidher bħala Vincenzo Busuttil, il-Merkant, u li jogħqod Numru 4, Sqaq 2, Triq Santa Marija. Newċer Karmenu Cachia ta’ Bertu ta’ Tonin. Kien wieħed mill- aħwa ta’ Filomenu Cachia. Kien jaħdem mal-Air Ministry u kien stazzjonat f’diversi postijiet bħal Sant’ Iermu u l-Birgu. Wara x-xogħol, kien jaħdem ta’ mastrudaxxa. Darba kien il-knisja għall- quddiesa tal-Ħadd. Dak iż- żmien, l-irġiel u n-nisa ma kinux jitħalltu. L-irġiel kienu Carmenu Cachia in-Newċer joqogħdu fil-ġnub u n-nisa fil- (Ritratt ta’ Sunny Cachia) korsija. 90 Sena Soċjetà 1929-2019 30 Sena Banda 1989-2019 175 Sena Statwa Titulari 1844-2019 155