Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi | Page 147

Każin Banda San Pawl, Safi Festa 2019 Mill‑Bogħod (It‑tieni parti) minn Karmenu Busuttil Hekk irrid naħseb; li sikwit jittawlilna mill-bogħod. Lil tal-familja l-aktar, imma wkoll kultant lilna li konna ħbiebu. Għalaqt l-artiklu tas-sena l-oħra bih; Nenu ta’ Rożi. Min kellu jgħidli li ftit xhur wara kelli mmur narah l-isptar? Imbagħad, jgħaddu ftit ġranet oħra u nisma’ li Nenu miet. Kif innotaw ħafna, Ħal Safi sofra t-telfa ta’ numru mhux żgħir ta’ xi wħud mill-aħjar abitanti tiegħu dawn l-aħħar erba’, ħames snin. Inkompli fejn ħallejt is-sena l-oħra, b’titwila lejn dak li kien iseħħ fil-pjazza tal-knisja. Ħarsa lura ’l bogħod fis-snin, illum mhux ħażin. L-isbaħ dehra tal-pjazza kienet tkun meta filgħaxijiet kienet timtela d-dawra kollha tagħha bl-irġiel u l-ġuvintur. Sfortunatament hekk kienu l-affarijiet dak iż- żmien: l-element femminili kien kompletament nieqes. Illum fil-pjazza jkollna mhux biss tfajliet Ħal Safin, iżda xi barranin ukoll. Kont tfittex il-gruppi li kont issib jgħoddu għalik hemmhekk. U kont ssib li kien ikun għaddej diskors fuq xiex trid. Fuq il-gwerra, fuq il-futbol, fuq il-politika, fuq il-festi, fuq il-qamħ, is-silla u l-bħajra, fuq in-nar tal-festi, l-aktar tal-irħula tal-madwar, fuq il-Ħal Safin antiki, fuq kif tħaffru x-xeltrijiet tal-gwerra… Kont tkun qisek f’bażar Tork, mhux tal-ikel jew tal-ilbies imma tal- istejjer u l-ideat tajbin u ħżiena, tista’ tgħid fuq kollox. Laqgħa għaż‑żgħażagħ fis‑sala tal‑każin il‑qadim. Jidher, flimkien ma’ Dun Karm Vella, il‑Kappillan Dun Bert Bezzina li dam Ħal Safi sal‑1960. (Dan biex nieħdu idea ta’ kemm għandu żmien dan ir‑ritratt). Fuq wara jidher ukoll Karm Zammit, li mbagħad fl‑1967 laħaq qassis. L‑ewwel persuna fuq ix‑xellug hija Ġużeppi Busuttil (il‑President tal‑każin) u ħdejh hemm il‑persuna li kellha tagħmel it‑taħdita dakinhar (jidhirli kien mill‑Belt). Sala, salott, teatru Is-sular ta’ fuq tal-każin il-qadim (ta’ San Pawl) kien meħud tista’ tgħid kollu minn sala kbira. Fiha kienu jsiru l-laqgħat għall-membri, imma kienet isservi wkoll bħala bar. Maż-żmien bdiet ukoll tintuża bħala billiard room, meta s-Servizzi Ingliżi rregalaw billiard table kbira lill- każin. Kien hemm żmien ukoll meta s-sala kienet isservi bħala teatru żgħir għad-drammi u t-teatrini. Is-sala kellha, għalhekk, palk għall-atturi. Dan kien mal-ħajt tagħha li fih kellu tieqa li kienet tiftaħ għal fuq Triq San Pawl. Fil-ġranet tas-serata, fil-pjazza quddiem il- każin kienu jibdew jinġabru n-nies minn kmieni. Kien ikun hemm stennija kbira meta l-bibien kienu jdumu ma jinfetħu għaliex il-provi tad-dramm kienu jkunu baqgħu sejrin sal-aħħar. Marì l-purtinara għamlet żmien tiġbor il-flus fil-bieb qabel jibda t-teatrin. Kienet ukoll tipprova żżomm id-dixxiplina fost it-tfal li ma tantx kienu jikkontrollaw l-entużjażmu tagħhom qabel jidħlu għas- serata. It-tfal konna nħallsu tliet soldi, jidhirli. Imma s-sala tal-każin kienet ukoll bħal speċi ta’ salott kbir li kellu Ħal Safi, fejn kien jilqa’ l-mistednin distinti tiegħu. Fl-1949 wasal id-dawl elettriku Ħal Safi u kien ġie l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Pawlu Boffa, għall- okkażjoni. Kien sarlu riċeviment fiha. F’April tal-1951 il-Gvernatur Gerald Creasy kien għamel żjara uffiċjali lil Ħal Safi meta kien żar il-knisja, il-fabbrika tal-inbid u l-luminata ta’ Manwel Busuttil, kif ukoll l-iskola tar-raħal. Għall-okkażjoni l-gvernatur kellu riċeviment fis-sala tal-każin, fejn kien sarlu wkoll diskors ta’ merħba minn Filumenu Cachia, li dak iż- żmien kien il-kaxxier tal-post. Fl-1962 meta Prim Ministru ieħor, Ġorġ Borg Olivier, ġie Ħal Safi għat-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-iskola l-ġdida, kellu wkoll riċeviment fis-sala-salott tal-każin. L-Isqof Emmanuel Galea li kien inkarigat mit-tberik tal-ewwel ġebla kien mistieden importanti ieħor li fiha laqgħet is-sala dakinhar. Iżda għal dik l-okkażjoni l-każin kellu problema. Għaliex it-taraġ għas-sala, li kien tal-mużajk isfar, maż-żmien kien krieh ħafna. Bħal kienet daħlet fix- xquq tiegħu moffa griża. Sakemm xi ħadd ġietu l-idea li l-mistednin kellhom jidħlu mingħand is-Sur Wiġi Zammit biex jużaw it-taraġ tiegħu u jidħlu fis-sala tal- każin. Wara, naturalment, li kellu jinfetaħ bieb fil-ġebel bejn id-dar ta’ Wiġi u l-każin. Peress li mart Wiġi, Ġola, 90 Sena Soċjetà 1929-2019 30 Sena Banda 1989-2019 175 Sena Statwa Titulari 1844-2019 145