Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi | Page 119
Każin Banda San Pawl, Safi
Festa 2019
Baħar ’il bogħod
Alexis Callus jintervista lill-kittieba Elizabeth
Grech, imwielda u mrobbija f’Ħal Safi
u li llum tgħix fi Franza.
Elizabeth Grech, Ritratt ta’ Zvezdan Reljic
Elizabeth Grech hija traduttriċi (Franċiż u Taljan għall-Ingliż). Taħdem
ma’ diversi għaqdiet nongovernattivi, kif ukoll organizzazzjonijiet fil-qasam
kulturali u artistiku. Hija konsulenta ma’ CIHEAM (International Centre
for Advanced Mediterranean Agronomic Studies), fejn għandha f’idejha
d-dokumenti u l-pubblikazzjonijiet bil-lingwa Ingliża. Hija wkoll traduttriċi
fil-qasam letterarju. Ħafna mit-traduzzjonijiet tagħha ġew ippubblikati
f’kotba, antoloġiji ta’ poeżiji u ġurnali letterarji. Għal dawn l-aħħar ħmistax-
il sena kitbet ħafna poeżija Maltija, uħud minnhom ippubblikati f’antoloġiji,
imma huwa biss riċentament li tat id-dawl lil dan ix-xogħol. Għadha kif
ippubblikat, fi Frar 2019, l-ewwel ġabra tagħha, Bejn Baħar u Baħar, mal-
Merlin Publishers. F’Ġunju tal-2018 kienet waħda mill-poeti mistiedna fil-
Festival Internazzjonali tal-Poeżija f’Sidi Bou Saïd, it-Tuneżija. F’Ottubru
pparteċipat fil-Manifestazzjoni Internazzjonali Letterarja f’Tetovo, il-
Maċedonja u Pogradeč, l-Albanija. Dan ix-xahar (Awwissu) se tkun waħda
mill-kittieba mistiedna għall-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’
Malta.
Kemm ilek toqgħod fi Franza, u x’kienet
il‑motivazzjoni ewlenija tal-familja tiegħek li tagħżlu
li tibnu ħajjitkom hemm?
Issa ilni 20 sena ngħix Franza. Mort biex inkompli
nistudja l-Antropoloġija l-Università ta’ Marsilja wara li
lestejt il-kors tal-Baċellerat fl-Arti l-Università ta’ Malta.
Wara sentejn tlajt nistudja Lyon u ftit wara komplejt it-
triq tiegħi lejn Pariġi fejn issetiljajt u bdejt naħdem hemm.
Issa Pariġi ilni mill-2002. Meta tlaqt nistudja ma kellix
idea li se ndum daqshekk u li se nibqa’ ngħix, nissetilja,
naħdem u nibni familja hemmhekk. Imma Franza minn
dejjem kienet tiġbidni għax hija pajjiż ta’ kultura u
f’dal-qasam hemm ħafna opportunitajiet. Ovvjament
ġejja u sejra u l-kuntatti ma’ Malta, speċjalment ma’ Ħal
Safi ma qtajthomx. Għadni involuta f’ħafna affarijiet
Malta, speċjalment fil-qasam tal-letteratura u l-kultura.
Attiva ħafna ma’ Inizjamed, li torganizza l-Festival
Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, il-palk ħieles kull
xahar, kif ukoll jien membru tal-Kunsill ta’ HELA Hub
for Excellency in Literary Arts.
Minn lenti antropoloġika, u bħala persuna li
tosserva, x’karatteristiċi tara fi wliedek li jixbhu
lil dawk ta’ tfal li kieku trabbew f’Ħal Safi. Fil-
bini tal-karatru tagħhom hemm dak l-element
li jiddistingwihom minn tfal oħra Franċiżi (bil-
multikulturaliżmu kollu illi joffru Pariġi u Franza)?
Diffiċli tqabbel. Ovvjament li l-ambjent li nitwieldu
u nitrabbew fih jinfluwenza b’mod importanti l-karattru
u anke l-edukazzjoni. Pariġi, aħna ngħixu fi kwartier
popolari fejn hemm atmosfera ta’ solidarjetà bejn kulturi
differenti. Fil-klassi tagħhom it-tfal tiegħi jagħmluha
ma’ tfal oħra li bħalhom stess għandhom ġenituri ġejjin
minn pajjiżi oħra, li jitkellmu lingwi oħra, li għandhom
kulturi differenti. L-iskejjel tagħhom it-tnejn jagħtu
importanza kbira lill-valuri tar-Repubblika Franċiża
li huma Fraternità, Libertà, u Ugwaljanza u t-tfal jiġu
edukati dejjem b’għożża kbira lejn dawn il-valuri biex
jikber fihom is-sentiment ta’ tolleranza u rispett lejn
dak kollu li hu differenti. It-tfal tiegħi għandhom żewġ
kulturi. Jien inkellimhom bil-Malti u qed jitgħallmuh
sew. Għalija importanti ħafna li jifhmu u jitkellmu bil-
Malti, li jiġu spiss iqattgħu xi btala Ħal Safi, jattendu
l-festa ta’ San Pawl eċċ. għax dan kollu huwa wkoll parti
mill-ambjent li tlajt fih.
Dwar il-karriera tiegħek. Fejn bdejt? Fejn ħdimt?
Illum bħala traduttriċi kif timraħ? Kif tikkontrasta
mal-pinna kreattiva tiegħek il-fatt li trid taqleb il-
kitba ta’ persuni oħra?
Kif spiċċjat nistudja, l-ewwel bdejt naħdem fil-
mużewijiet. Imbagħad sibt xogħol bħala manager
kulturali ma’ Fondazzjoni Pariġi li l-għan tagħha kien
li jissaħħu l-iskambji kulturali madwar il-Mediterran
bejn pajjiżi differenti. Issa ilni sentejn u nofs naħdem
għal rasi. Nagħmel traduzzjonijiet tekniċi mill-Franċiż
u t-Taljan għall-Ingliż u naħdem ma’ diversi entitajiet
internazzjonali jew kulturali. Barra minn hekk nittraduċi
90 Sena Soċjetà 1929-2019
30 Sena Banda 1989-2019
175 Sena Statwa Titulari 1844-2019
117