Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi | Page 113
Każin Banda San Pawl, Safi
Festa 2019
Messaġġ mill‑Għaqda Każini tal‑Banda
Rispett u għaqda bejn is‑soċjetajiet
Avv. Noel Camilleri
President GħKB
Is-soċjetajiet tal-banda huma sinonimi
mal-festi tagħna. Dan huwa stat ta’ fatt
li ilu magħna għal aktar minn mija u
ħamsin sena. Imma huwa fatt ukoll li dan
il-patrimonju ta’ pajjiżna qiegħed jiġi
mhedded b’mod reali. Mhedded minn
ħafna elementi li ddaħħlu fil-festi tagħna
u li qegħdin jagħmlu ħsara anke lis-
soċjetajiet tal-banda.
Persważ li tinnutaw li l-entużjażmu
għall-marċi tradizzjonali naqas u ħafna
drabi l-banda tkun waħidha fit-toroq biex imbagħad
tal-anqas fil-pjazza ewlenija jew quddiem il-
bini tas-soċjetà jingħaqdu magħha n-nies li
jkunu preżenti hemm biss. Biss dan mhux
kollox għaliex filwaqt li l-banda tkun
qiegħda ddoqq xi marċ mhux l-ewwel
darba li tisma’ xi ħoss qawwi ta’ mużika
oħra ġejja minn bnadi viċin li kważi
jitfi għalkollox il-ħoss tal-banda jew
addirittura tgħaddi l-banda qisu xejn.
U xi ngħidu għas-cd’s li jinħarġu bi
kliem kważi identiku għajr l-isem tal-
qaddis jew l-isem tas-soċjetà tal-Banda.
Qisna qegħdin ninsew l-importanza tal-
banda fil-festa u rridu nwarrbu t-tradizzjonijiet bl-iskuża
li rridu nġeddu ħalli niġbdu ż-żgħażagħ. Li taħdem biex
aktar tattira żgħażagħ lejn is-soċjetajiet tal-banda hija
ħaġa li żgur kulħadd jaqbel magħha imma żgur mhux
għas-skapitu li twarrab it-tradizzjonijiet sbieħ tagħna li
sawru l-kultura Maltija.
Il-lista tal-affarijiet li bil-mod il-mod qegħdin
kontinwament jinvadu s-sabiħ tal-festi tagħna u l-ħidma
tas-soċjetajiet tal-banda tagħna li hija mifruxa tul it-tnax-
il xahar tas-sena ma tiqafx hawn. Hemm ukoll l-ispiża
biex tamministra soċjetà tal-banda liema spiża dejjem
qiegħda tikber u dan minkejja li ħafna mill-ħidma ssir
b’mod volontarju għall-benefiċċju ta’ dik il-belt jew
raħal. Soċjetà tal-Banda ma għandhiex
tittieħed li qiegħda hemm jiġri x’jiġri u
dejjem lesta biex tieħu sehem mingħajr
ma tingħata kumpens xieraq għall-ħidma
kollha li tagħmel kemm dik li tidher u anke
dik li ma tidhirx. Ħafna drabi din it-tieni
parti tal-ħidma tkun ferm akbar u ta’ wġigħ
ta’ ras mill-ewwel parti.
Kien proprju għalhekk li s-Soċjetajiet
tal-banda membri fi ħdan l-Għaqda Każini
tal-Banda fi Frar 2019, approvaw dokument
li permezz tiegħu ġew introdotti ċerti miżuri
ġodda ħalli jkun hemm aktar rispett reċiproku
bejn l-istess soċjetajiet, mal-mużiċisti li
l-impenn tagħhom huwa ferm importanti
għall-baned imma wkoll ma’ entitajiet
oħra fosthom il-parroċċi u l-kumitati
responsabbli għall-festi. Din hija
deċiżjoni li ttieħdet b’mod studjat u
b’għaqal u l-Għaqda Każini tal-Banda
tikkonsidrah li huwa l-ewwel pass
sabiex inkomplu naħdmu flimkien
ħalli l-ħidma tas-Soċjetajiet tal-
banda b’mod partikolari f’dak li
għandu x’jaqsam il-banda u s-sehem
tagħha fil-festi tagħna jibqa’ sehem fundamentali fit-
tifsira vera ta’ festa Maltija.
Irridu lkoll naħdmu biex din it-tifsira nkomplu
nsaħħuha u fuq kollox inħarsuha. Jekk ma nurux rispett
reċiproku u fuq kollox ħidma kollettiva allura dak li
huwa wirt importanti ta’ pajjiżna jista’ jintilef. Għalhekk
ikoll kemm aħna rridu nkunu t-tarka sabiex ma nħallu lil
ħadd u xejn li jtappan is-sinifikat tal-festa.
F’isem l-Għaqda Każini tal-Banda nawgura l-festa
t-tajba, u nirringrazzja lis-Soċjetà tal-Banda u l-membri
tagħha għax-xogħol volontarju kbir li jsir. Nappella
sabiex dik il-ħidma tissarraf f’ċelebrazzjonijiet denji ta’
festa li tgħaqqad il-poplu.
Fil-jiem tal-festa
nħeġġu lil kulħadd biex jersaq
aktar lejn is-Sagramenti.
90 Sena Soċjetà 1929-2019
30 Sena Banda 1989-2019
175 Sena Statwa Titulari 1844-2019
111