Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi | Page 11
Każin Banda San Pawl, Safi
Festa 2019
Jikteb il‑President
Pawlu Busuttil
Din is-sena s-Soċjetà tagħna tagħlaq
90 sena. Kien appuntu f’Jannar tal-1929
li nfetaħ il-Każin San Pawl f’Ħal Safi bil-
għan ewlieni li jgħin fl-organizzazzjoni tal-
festa esterna tal-patrun tagħna l-Appostlu
Missierna San Pawl. Tnejn mill-fundaturi
l-iktar li jissemmew huma Pawlu Busuttil
(il-Fokkli) u Filomenu Cachia. Il-membri
bdew jiltaqgħu fid-dar Nr. 2 f’Misraħ
il-Knisja, li kienet mikrija mingħand
Emanuel Busuttil, il-post li sal-lum hemm
il-każin fil-preżent.
Fi żmien il-gwerra, il-każin kellu jingħalaq biex fih
joqogħdu r-refuġjati, u dan reġa’ beda l-funzjoni tiegħu
hekk kif spiċċat il-gwerra fl-1945. Matul is-snin il-każin
żaruh diversi nies distinti, bħal ngħidu aħna fl-1947
meta ġie inawgurat id-dawl elettriku f’Ħal Safi kien ġie
l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Sir Paul Boffa, fejn
wara sar riċeviment fis-sala tal-każin. Fit-13 ta’ April
1951 il-Gvernatur Gerald Creasy żar ir-raħal u wara sar
trattament fis-sala tal-każin. F’Mejju tal-1962 tpoġġiet
l-ewwel ġebla tal-iskola l-ġdida u għal din l-okkażjoni
kienu ġew diversi nies distinti, fosthom il-Prim Ministru
Dott. Ġorġ Borg Olivier u l-Isqof Emmanel Galea. Għal
din l-okkażjoni kien infetaħ bieb mis-sala tal-każin
għal ġod-dar ta’ Wiġi u Ġolina Zammit biex b’hekk il-
mistednin setgħu jidħlu minn dak il-bieb li hemm ħdejn
l-għassa tal-pulizija, jitilgħu fuq, u jidħlu fis-sala tal-
każin fejn sar riċeviment tal-okkażjoni.
Fl-1985 il-każin inxtara mingħand il-familja ta’
Manwel Busuttil, u l-Ħadd 27 ta’ Settembru beda jinħatt
biex il-bini l-ġdid kien lest għall-festa tal-1989. Dan
ix-xogħol sar kollu bil-volontarjat. Fl-1989 twaqqfet
il-Banda San Pawl. Fl-2014 inxtrat il-
biċċa l-oħra tal-binja mingħand il-familja
Zammit u b’hekk illum il-każin għandu
l-binja kollha, jiġifieri dak li kien il-Palazz
Gollcher.
Din hija l-istorja tas-Soċjetà tagħna
fil-qosor. Tul dawn id-90 sena kienu
ħafna li ħadmu u stinkaw, taw ħinhom
u għamlu sagrifiċċji, ikkontribwixxew
finanzjarjament, biex is-Soċjetà waslet
fejn waslet. Aħna qatt ma għandna ninsew
dan u lil dawk li kienu protagonisti. Rigward il-planċier,
is-sena l-oħra konna bgħattna l-forom għand il-Fonderia
Artistica Versiliese ta’ Pietrasanta (Italja) fejn qed
jinħadem il-bronż, però għal din is-sena mhux ser ikun
lest. Il-ħsieb hu li jitlesta għas-sena d-dieħla.
Nixtieq nirringrazzja lill-għaqdiet kollha li jaħdmu fis-
Soċjetà tagħna – iż-żgħażagħ, in-nisa, tal-armar u tan-nar
– tax-xogħol li jagħmlu u tal-attivitajiet li jtellgħu matul
is-sena biex b’hekk jinġabru l-fondi. Minn hekk nistgħu
nkomplu nħallsu l-ispejjeż tal-propjetà, tal-planċier, tal-
banda, u anke l-ispejjeż marbutin biex nagħmlu festa kif
verament jixraq lill-Kbir Appostlu Missierna San Pawl.
Nagħlaq dan il-messaġġ billi nirringrazzja lis-Sindku
Johan Mula u lill-kunsillieri, lill-Kappillan Kan. Dun
David Farrugia, lis-Surmast Mro Michael Bugelli, lill-
Ass. Surmast is-Sur Charles Wallace Suda, lill-Konsulent
tal-Banda s-Sur Saviour Spiteri, lill-membri tal-kumitat
u lis-soċji tal-każin. Grazzi lil dawk li jirriklamaw f’dan
il-ktieb u lil dawk kollha li jaħdmu u jikkontribwixxu
finanzjarjament.
Nawgura l-festa t-tajba lil kulħadd.
Viva San Pawl!
X’rigal dak li Alla tana
meta bagħtek fuq din l-art,
Sraqt il-qlub tal-Maltin kollha
u l-Vanġelu dlonk xandart.
90 Sena Soċjetà 1929-2019
30 Sena Banda 1989-2019
175 Sena Statwa Titulari 1844-2019
9