Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi Ktieb Festa 2019, Każin Banda San Pawl Safi | Page 111
Każin Banda San Pawl, Safi
Festa 2019
Is‑Sagrifiċċju tal‑Quddiesa
minn Emily Barbaro Sant
B’diqa wieħed jinnota li anke f’Malta,
l-attendenza fil-knejjes għall-quddiesa
tal-Ħadd, naqset sewwa. Jingħataw ħafna
raġunijiet għaliex qed jiġri dan, iżda
x’aktarx li r-raġuni vera hija l-indifferenza
li teżisti.
Dan l-aħħar ġiet f’idejja storja li ġrat
tassew u li ħsibt li naqsamha mal-qarrejja
tal-ktejjeb tal-festa ta’ Ħal Safi. Il-ġrajja
ġiet irrakkuntata minn Fr Stanislaus lil Sr
M. Veronica Murphy.
Ġurnata fost l-oħrajn fil-belt ċkejkna tal-Lussemburgu,
il-kaptan tal-għassiesa tal-foresti kien qed jitkellem ma’
bejjiegħ tal-laħam meta mara xwejħa daħlet fil-ħanut. Il-
bejjiegħ staqsa lix-xwejħa x’kellha bżonn. Il-mara ġiet
tittallab biċċa laħam żgħira imma ma kellhiex flus biex
tħallas. Il-kaptan tbissem lejn il-mara u baqa’ jħares lejn
il-bejjiegħ ħalli jara x’ser jagħmel. Xtaq jara kemm kien
ser jagħtiha.
“Jiddispjaċini, m’għandix flus biex inħallsek imma
nwiegħdek li ser noffri quddiesa għall-bżonnijiet
tiegħek,” qalet il-mara lill-bejjiegħ. Kemm il-kaptan kif
ukoll il-bejjiegħ tal-laħam ma kinux imorru quddies,
u bilkemm ma kinux ser jgħaddu biż-żmien lill-mara
xwejħa.
Il-bejjiegħ kiser is-skiet, dar lejn il-mara u qalilha,
“Mela mur isma’ quddiesa għall-bżonnijiet
tiegħi, u meta tiġi lura, nagħtik daqs kemm tiswa
l-quddiesa. Il-mara telqet mill-ħanut u wara xi
nofs siegħa ġiet lura l-ħanut u resqet lejn il-
bejjiegħ. “Mela ħalli naraw x’ser nagħmlu,”
qalilha l-bejjiegħ. Sadanittant ħa biċċa karta
f’idejh u fuqha kiteb, “Smajt quddiesa għall-
bżonnijiet tiegħek.” Poġġa l-karta fuq il-miżien u
fuq in-naħa l-oħra qiegħed biċċa għadma żgħira.
Weżinhom imma ma ġara xejn. Neħħa l-għadma
u minflokha qiegħed biċċa laħam. Il-miżien baqa’
kif kien. Il-karta kienet tiżen aktar.
Iż-żewġt irġiel bdew jistħu minnhom infushom
għax dehrilhom li waqgħu għaċ-ċajt, imma
komplew dak li bdew. Din id-darba l-bejjiegħ
qiegħed biċċa laħam akbar. Il-miżien baqa’ ma
ċċaqlaqx. Iċċekkja l-miżien, imma ra li kollox
kien f’postu. Tajjeb!
B’disperazzjoni fuqu, il-bejjiegħ
dar lejn il-mara u staqsieha, “Xi tridni
nagħtik? Koxxa tal-muntun?” U f’dak il-
ħin poġġa koxxa tal-muntun fuq il-miżien.
Kien kollu għalxejn għax il-miżien ma
ċċaqlaqx. Il-karta baqgħet tiżen aktar.
L-aħħar sforz. Poġġa biċċa laħam kbira
mal-koxxa tal-muntun. Ħaġa tal-għaġeb,
il-miżien baqa’ mmejjel lejn fejn kien
hemm il-biċċa karta.
Din il-ħaġa tant impressjonat lill-
bejjiegħ li kkonverta u wiegħed lill-mara li ser jibqa’
jagħtiha biċċa laħam kuljum.
Il-kaptan ukoll ħareg mill-ħanut bniedem mibdul u
minn dakinhar sar iħobb il-quddiesa u ma jitlifx waħda.
Tnejn minn uliedu subien saru saċerdoti, wieħed Ġiżwita
u l-ieħor reliġjuż tal-Qalb ta’ Ġesù.
Fr Stanislaus spiċċa r-rakkont lil Sr Veronica billi
qalilha, “Jiena r-reliġjuż tal-Qalb ta’ Ġesù u l-kaptan
huwa missieri.”
Il-kaptan kien dejjem iwissi lil uliedu biex iqaddsu
l-quddiesa sewwa u b’devozzjoni u ma jfalluhiex jekk
mhux minħabba raġuni ta’ mard.
Din it-twissija tgħodd ukoll għalina biex ma nfallux
quddiesa b’kapriċċ għax il-quddiesa tagħtina s-saħħa.
90 Sena Soċjetà 1929-2019
30 Sena Banda 1989-2019
175 Sena Statwa Titulari 1844-2019
109