48 rieda u determinazzjoni tal-azzar. Biex ikomplu jsaħħruna, huma mhux biss waqqfu din il-knisja u għamluha b’ perfezzjoni totali imma għamluha wkoll taħt kundizzjonijiet li komplew jagħmlu l-proġett ferm u ferm aktar diffiċli. Tinsewx li l- knisja l-qadima ħallewha hemm sal-aħħar u daru magħha bil-binja l-ġdida. Meta mbagħad ħelsu, ma qabdux u waqqgħuha u ramew kollox, imma ħattewha ġebla ġebla u reġgħu bnewha fejn qiegħda llum ħalli ngawduha aħna u ta’ warajna. Jekk dan m’ għandux ikun ta’ ispirazzjoni għalina lkoll, mela jien ma nafx x’ ikun.
Editur Tassew hu minnu dan li qed tgħid. Kultant, aħna li ninsabu mdawrin b’ dan il-wirt imprezzabbli u mogħnija bi storja tant sinjura, ma nagħtux kas u ninsew dan kollu. Lura għal musical. Bi musical tista’ tgħid li tassew ilqattu ħafna jekk mhux ixxewqat kollha fil-viżjoni oriġinali. U min ħażżeż l-ewwel versi?
Mario Biex xi ħaġa bħal din issir tajba l-awturi kkonċernati jrid bilfors ikollhom l-istess passjoni; xi ħaġa li jien u John żgur li għandna. Flimkien identifikajna l-ġrajjiet ewlenin li seħħew f’ dan l-aħħar nofs seklu u mbagħad John ħalla f’ idejja biex nirrima kollox. Editur Jiġifieri, l-ewwel bdejtu mil-lirika. John
Ma tistax tagħmel mod ieħor jekk trid li x-xogħol jiġi tajjeb. Jien ħallejt lil Mario f’ libertà totali biex jikteb kif irid, dak li jħoss u kif jifhmu hu. Kelli l-vantaġġ kbir li jien nidentifika ruħi bl-aktar mod naturali mal-pinna ta’ Mario u ma kelli l-ebda dubju li dak li kien se jipproduċi kien se jħallini mibluh.... u hekk kien. Editur Prosit Mario. Mario Grazzi ħafna, però b’ daqshekk ix-xogħol kien għadu mhux konkluż. Wara li ġiet miktuba l- lirika jien kien għad m’ għandi l-ebda ħjiel dwar kif se nippreżentawh lill-pubbliku, jekk hux se nagħmlu oratorju, operetta, eċċ. U hawnhekk daħal John. Wara bosta ġimgħat jekk mhux xhur ta’ ħsibijiet, esperimenti u ma nafx xiex aktar, John medd għonqu għax-xogħol u ħoloq djalogi mexxejja bejn il-passaġġi liriċi u hekk ġie meħjut u minsuġ kollox flimkien fi skript komplut li jkopri l-ġrajjiet ewlenin mill-1970 sal-lum.
Editur U dak hu d-dramm mużikali li tassew jiġbor fih l- istorja tagħna, tista’ tgħid hu operetta u hu xogħol oriġinali. Biss nixtieq nistaqsi kif inhu possibbli li tgħaqqad storja li ttul nofs seklu.
John L-istorja ntisġet bl-istess determinazzjoni li missirijietna sawru l-istorja tagħna. U propju għalhekk dan il-musical mhux se jsir fit-teatru imma se jsir fil-knisja tagħna – dak il-post li madwaru ddur l-istess istorja tagħna, dak il-post li jien nemmen li l-ebda xenarju u l-ebda palk ma jista’ joħloq is-setting li joħloq hu.
Editur U dan jagħmel ukoll ix-xogħol kif għidt int, tassew kbir.
Mario Ta’ min isemmi wkoll li dan il-musical se jinkludi bosta effetti speċjali bid-dawl. Se jkollna projections ta’ xeni u filmati tal-passat ta’ meta kienu qed iseħħu l-ġrajjiet tagħna. Dan se jkompli jsebbaħ u jgħolli l-prestiġju ta’ dan id-dramm mużikali u jsawru f’ avveniment maġiku li għandu jsaħħar lil kull min jattendi biex jarah.
Editur Ix-Xewkija żgur li mhix nieqsa mill-atturi imma din id-darba se jkun hemm bżonn bosta kantanti u mużiċisti wkoll. Ċert li intom konxji ta’ dan u qed taħdmu fuqu. X’ se tagħmlu f’ dan ir-rigward? Nimmaġina li s-soluzzjoni hi li jsir ' recording ' ta’ kollox imbagħad isir ' playback ' dakinhar.
John
Le, le u le. Biex nagħmlu playback, nagħmlu DVD ta’ kollox u npoġġuh online u nkunu essenzjalment għamilna film bħal kwalunkwe film ieħor. F’ dan il-każ ikun dokumentarju aktar minn film. F’“ Rajtek Tinbidel” kollox se jkun live, kemm ilkant kif ukoll il-mużika. Naf li mhux faċli, imma nerġa’ ngħid li hemm l-istess rieda u determinazzjoni li kellhom missirijietna meta bnew l-istorja tagħna.
Editur Jiġifieri, se nistennew orkestra ddoqq ' live ' fil-knisja u l-kantanti jkantaw ' live ' magħha?
Mario Hekk hu. Fil-fatt bħalissa qed insejħu lil dawk kollha li jħossu li kapaċi jkantaw biex ikellmuna. Se nagħmlu l-auditions biex nidentifikaw ilkantanti għal bosta partijiet li għandna. Editur Min se jieħu ħsieb l-aspett mużikali ta’ dan ilmusical?
John
Il-mużika qiegħda tinkiteb minn Geoffrey u Julie Thomas bis-sapport tas-Surmast Maestro Anthony Borg li żgur m’ għandu bżonn l-ebda introduzzjoni. Geoffrey u Julie Thomas huma mużiċisti Ingliżi fi ħdan is-Soċjetà Mużikali Imperial tal-Mellieħa li tagħha Maestro Borg hu wkoll s-surmast direttur. L-orkestra se tkun ovvjament taħt id-direzzjoni tas-Surmast Borg. Editur L-aħħar domanda – għaliex Mejju tal-2017? Mario Mejju 2017 hu l-Ħamsa u Sittin anniversarju tattqegħid tal-ewwel ġebla tar-Rotunda, l-Għoxrin sena anniversarju ta’ Radju Prekursur u l-Għaxar Snin anniversarju mill-famuż musical“ Ġrajjietna”. X’ hemm aħjar milli niftħu l-istaġun tal-festa tal- 2017 b’ dan il-mod?
Editur Prosit tassew John u Mario għal din il-biċċa xogħol kbira li dħaltu għaliha. Nawguralkom kull suċċess u nappellaw lill-qarrejja kollha tagħna biex min għandu ritratti, filmati jew xi materjal ieħor relatat mal-istorja tar-raħal tagħna u li jixtieq li jintuża f’ dan il-musical għandu jagħmel kuntatt magħna fuq wieħed minn dawn in-numri:
John Attard: |
9945 1021 |
Mario Borg: |
7925 2112 |
Leeann Cini: |
7930 1954 |
Posta elettronika: ghaqdadramaxewkija @ yahoo. com |