58
“ Pipe Organ”, proġett li kien ser jiswa mitejn u sebgħa u sittin elf ewro(€ 267,000) plus Vat. Il-ġenerożità tal-poplu Xewki, li kif kienet minn dejjem, ma tafx b’ limitu, reġgħet issorprendiet lil kulħadd u sa sena wara, fit-13 ta’ Settembru, 2015, l-Arċipriet Mons. Carmelo Mercieca rnexxielu jiġbor is-somma kollha ta’ mitejn u sebgħa u sittin elf ewro(€ 267,200), xhieda u prova qawwija tal-imħabba kbira li x-Xewkin għandhom lejn San Ġwann Battista u tal-fiduċja kbira li l-poplu Xewki kellu u għandu fil-persuna tal- Arċipriet Mons. Carmelo Mercieca.
Il-Ħidma pastorali tal-Arċipriet Mons. Carmelo Mercieca L-opri li twettqu fi żmien l-Arċipriet Carmelo Mercieca huma kbar u bla għadd. It-tisbiħ kollu li nsibu fil-knisja Rotunda huma xhieda ta’ dan u jfakkru ismu lill-ġenerazzjonijiet li għad jiġu matul is-snin.
Però, l-akbar xogħol li wettaq Dun Karm Mercieca m’ humiex l-opri li naraw b’ għajnejna. Dawn l-opri għalkemm kbar kollha jistgħu jitkejlu u l-ispiża tagħhom tista’ tiġi ikkalkulata. Verament, l-akbar opri, l-Arċipriet Mercieca wettaqhom fil-ħidma pastorali tiegħu, ħafna drabi, fil-moħbi u mingħajr daqq ta’ trombi.
Min jista’ jkejjel il-ġid li għamel dan l-Arċipriet fost it-tfal u ż-żgħażagħ matul is-snin tat-tmexxija tiegħu. L-Arċipriet Mercieca mexa magħhom, ifforma fihom karattru sod, ċiviku u kristjan; tahom spirtu qawwi ta’ patrijottizmu u sawwarhom fi rġiel li għamlu unur u isem għalihom u għal raħalhom; rahom jieħdu l-istat tagħhom u jiffurmaw il-familji tagħhom. Min jista’ jiżen il-ġid spiritwali u psikoloġiku mwettaq mal-familji, kemm dawk f’ relazzjoni stabbli u kemm ma’ dawk li kienu u għadhom għaddejjin minn mumenti diffiċli? Min jista’ jagħti prezz tal-kliem kollu mħabba u kompassjoni li l-Arċipriet Mercieca qasam malmorda u l-imġarrbin, mal-anzjani u dawk emarġinati, u ma’ dawk kollha li matul tant snin fittxew il-pariri għaqlin tiegħu?
Xi ngħidu mbagħad għall-prietki tiegħu, il-ħsibijiet profondi u attwali li jixhdu l-intelliġenza ta’ dan ilbniedem kbir, imwassla fi kliem sempliċi li jiftiehem. Dan il-ġid flimkien ma’ ġid ieħor, li l-moħħ tagħna lanqas biss jikkonċepixxi, jafu biss Alla l-imbierek u li tiegħu mhux biss għad jippremjah fil-ħajja li ġejja, iżda, ġa minn din il-ħajja stess, Alla ppremjah billi sawwab fuqu barkiet bla għadd, li għenuh imexxi lir-raħal tax-Xewkija għal 43 sena u sitt xhur. L-Arċipriet Mercieca spikka fl-organizzazzjoni pastorali sa mill-ewwel ġimgħat li beda jaħdem fir-raħal tagħna. Twaqqfu l-Presbyterium u l-Kunsill Parrokkjali, skont innormi tal-Konċilju Vatikan II, kif ukoll, il-Kumitati kollha fosthom: għat-Tagħlim Nisrani, għall-Promozzjoni Umana, għal-Liturġija, għall-familja u għall-għarajjes. Hu kien jemmen ħafna fil-korresponsabilita’ ma’ ħutu s-Sacerdoti u l-lajci kollha. Kien bniedem ta’ inizjattivi pastorali skont kif jitolbu ż-żminijiet. Kellu sens kbir li jaqra s-sinjali tażżminijiet u jipproġetta pastorali rilevanti, organizzata u effettiva. Il-Ħidma pastorali tiegħu kienet immirata lejn il-kategoriji kollha, ta’ kull stat u grad. Kulħadd kien inkluż. Kien kapaci jispira għall-azzjoni lil dawk kollha li jiġu f’ kuntatt miegħu, saċerdoti u lajċi, u jimlihom blentużjażmu u b’ sens kbir ta’ inizjattiva, parteċipazzjoni, sens kbir ta’ sagrifiċċju u perseveranza. Kellu sens kbir ta’ umilta’ u ottimiżmu, frott tal-ispiritwalità profonda li jgħix. Il-flus, l-unuri, il-ftaħir u l-pompożità, qatt m’ għamlu bih, anzi kien jaħrabhom!
L-Arċipriet Mercieca kien iħobb ħafna l-Liturgija u għamel dak kollu possibbli biex iċ-ċelebrazzjonijiet reliġjuzi jkunu skont in-normi tal-Konċilju Vatikan II, jiġifieri, devoti, mifhuma, attraenti u parteċipanti. Il-Kor‘ Vox Clamantis’, li huwa xettel fl-ewwel ġimgħat tat-tmexxija tiegħu, bil-għajnuna ta’ ħuh Dun Ġorġ, jixhed dan. Lill-Kor‘ Vox Clamantis’ l-Arċipriet baqa’ dejjem isostnih u dejjem ra li t-talenti fi ħdanu ma jiġu qatt nieqsa. Illum, 43 sena wara, dan il-Kor għadu attiv u integrat ħaġa waħda malfunzjonijiet prinċipali ta’ matul is-sena.
L-Għaqdiet reliġjuzi tar-raħal raw mill-Arċipriet Mercieca sostenn u appoġġ kontinwu. L-Oqsma tal-MUSEUM tas-Subien u tal-Bniet, l-Azzjoni Kattolika, il-Leġjun ta’ Marija u l-Grupp taċ-Ċentru, kienu l-mimmi t’ għajnejh. Kien dejjem ħerqan biex jassigura li dawn joffru l-aħjar formazzjoni nisranija soda, f’ ambjenti moderni, li jilqgħuk u fornuti bl-aħjar mezzi awdjo-viżivi għat-Tagħlim u l-Formazzjoni Nisranija u Karatterjali. Kien dejjem isus wara t-tfal, l-adolexxenti u ż-żgħażagħ biex ma jittraskurawx fl-attendenza tagħhom f’ dawn iċ-ċentri ta’ formazzjoni u edukazzjoni nisranija. Ta’ min isemmi li hu għen ħafna biex jinbnew żewg ċentri ġodda tal-M. U. S. E. U. M., kemm għassubien kif ukoll għall-bniet.
Anke l-Għaqdiet socjo-kulturali kienu ħafna għal qalbu. Dak kollu li kien jolqot lill-Parroċċa kien jinteressah mill-qrib! Il-Banda Prekursur kienet għal qalb ħafna tal-Arċipriet Mercieca. Meta l-ħin ippermettielu kont tarah, l-aktar kif tkun riesqa l-festa ta’ San Ġwann, jattendi għall-kunċerti, jinteressa ruħu fit-tagħlim tal-aljievi u jwassal kelma ta’ kuraġġ meta l-affarijiet ma jkunux sejrin kif ippjanati. Kien japprezza ħafna s-sehem kbir tal-Banda fil-Parroċċa u jfaħħar is-sagrifiċċji tal-Kumitat, tas-Surmast u tal-Bandisti. U għalhekk, kien iħeġġeġ lill-Parruċċani biex jgħinu moralment u anke finanzjarjament lill-Banda tar-Raħal.
It-tim tal-futbol tar-raħal, Xewkija Tigers, kien ukoll ħafna għal qalb l-Arċipriet Mercieca, jifraħ bir-riżultati pożittivi, jitnikket fid-diżappunti, imma, dejjem bi tbissima fuq wiċċu, b’ xi ċajta addattata biex inaqqas mit-tensjoni u jwassal messaġġ pożittiv. Fir-Radju Prekursur kien jara l-leħen ta’ Ġwanni, il-pulptu l-modern li jwassal il-messaġġ reliġjuż‘ il bogħod, fost dawk emarġinati, il-morda u min idur bihom u l-emigranti mxerrda mad-dinja kollha.
Il-Kumitati kollha tal-Festa, tal-Armar, tan-Nar, u tal- Marċi Brijużi, kien jagħtihom l-attenzjoni u l-importanza li tixirqilhom, u jinkoraġġihom filwaqt li qatt ma jonqos li