9
L-IKoNogRAFIJA TA ’ ĠwANNI L-BATTISTA Vincent Mangani
” It-tifel kiber u ssaħħaħ f ’ ruħu , u baqa ’ jgħix fid-deżert sa dakinhar li ħareġ quddiem Iżrael .“
( Luqa 1 , 80 )
Din hija l-unika sentenza li nsibu fil-Vanġeli li tkellimna dwar it-tfulija u l-irġulija ta ’ Ġwanni l-Battista , apparti l-mod kif kien jilbes , dak li kien jiekol u l-fatt li ħafna kienu qed imorru biex jisimgħuh u jitgħammdu minnu . Niltaqgħu wkoll mat-twelid mirakoluż tiegħu fil-Vanġelu ta ’ San Luqa .
Barra l-Vanġeli , għandna tagħrif ieħor li nsibu f ’ dik li hi msejħa : Il-Leġġenda tad-Deheb . 1 Aktarx ġiet miġbura minn Jacobus de Voragine , patri Dumnikan , qrib is-sena 1260 , għalkemm fis-snin li ġew wara ġew miżjuda dettalji oħra . Fiha ħafna dettalji dwar il-qaddisin li ma nsibux fil-kotba tal- Ġdid Testment . Kif jgħid l-isem , hi ġabra ta ’ leġġendi , uħud minnhom biex jimlew il-vojt ta ’ dettalji li ma nsibu mkien ieħor .
Il-Leġġenda tad-Deheb titkellem dwar it-twelid u l-mewt tal-Battista . Għalkemm dawn iż-żewġ ġrajjiet insibuhom it-tnejn li huma rrakkuntati fl-Evanġelji , fil-leġġenda nsibuhom ovvjament b ’ ħafna dettalji u żieda .
Fis-snin bejn it-twelid u d-dehra tiegħu fid-deżert qrib ix-xmara Ġordan ma nsibu xejn fl-erba ’
Vanġeli li nsibu fil-Ġdid Testment . Dan il-vojt hu mimli leġġendi li nsibu f ’ dawk li nsejħulhom kotba apokrafi 2 . Fost l-oħrajn jissemma ' l-Vanġelu ta ’ San Ġakbu . Din il-kitba kienet xorta meqjusa importanti għaliex ħafna dettalji marbuta ma ’ ħajjet il-Qaddisin li nsibu fih kienu ta ’ ispirazzjoni għall-ikonografi , jiġifieri dawk li jiktbu l-ikoni . 3
X ’ inhi l-Ikona ?
Il-kelma IKONA ġejja mill-Grieg eikon ( eikon ) li tfisser xbieha . Fil-fatt l-arti tal-Ikonografija tfisser “ tikteb ( mhux tpingi ) ikona ”. 4 L-ikona mhix sempliċi stampa jew arti qaddisa ta ’ ċertu żmien jew epoka . Almenu għall-Ortodossi tfisser ħafna aktar minn hekk . Hija xbieha li tgħin lill-individwu jgħaddi minn dak li jidher għal dak li ma jidhirx , għax l-ikona “ hija ntenzjonata li tkun xbieha ta ’ dak li ma jidhirx . Hi wkoll preżenza ta ’ Dak li ma jidhirx ” 5 , għax “ ikona xxandar u turi lil Alla . L-ikona hija l-viżjoni t ’ Alla u ta ’ dinja mibdula . Hija lingwa li ma tistax tiġi mitkellma mingħajr Fidi u mingħajr għaqda intima mal-Knisja ” 6 . Sa mis-Santi Padri raw l-importanza tagħhom minħabba l-fatt li “ l-ikoni huma , għal dawk li ma jafux jaqraw , dak li l-Kotba Mqaddsa huma għal min hu mgħallem ”. 7
L-Ikonografija ta ’ Ġwanni l-Battista
Ġwanni l-Battista hu l-aħħar profeta tal-Antik Testment li kellu jħejji lill-poplu t ’ Alla għall-miġja tal-Messija . Minħabba f ’ hekk , insejħulu wkoll prekursur .
Il-qima lejn il-Battista kienet mill-bidu tal-Knisja u l-ikonografija tiegħu hija diversa . Dan hu frott id-diversi fatti li nsibu fuq ħajtu fil-kotba tal-Ġdid Testment speċjalment l-erba ’ Vanġeli . Fil-fatt , għallbidu niltaqgħu l-aktar ma ’ ikonografija li kienet turi l-martirju tiegħu . Għandna eżempji sa mir-4 seklu . L-ikonografija ta ’ qtugħ ir-ras ħadet spinta ‘ l quddiem mid-9 seklu ‘ l quddiem .