Gourgion Ġunju 2016 Għadd 58 | 页面 106

52
tal-knisja l-qadima, inbeda minnufih ix-xogħol tal-invellar u l-għoti tal-konkos tal-art kollha tar-Rotunda. B’ dan ixxogħol komplut, il-knisja, għalkemm’ il bogħod mis-sbuħija u l-glorja ta’ kif nafuha llum, ġiet uffiċjalment iddikjarata miftuħa u ġiet imbierka fil-15 ta’ Ġunju 1973 mill-Isqof Cauchi.
Minn l-ewwel jiem wara l-pussess tiegħu, Mercieca kien ġa seraq il-qlub ta’ bosta żgħażagħ li ngħaqdu warajh għal dak kollu mitlub minnhom biex flimkien jaħdmu sabiex iġibu’ l quddiem l-isem tar-raħal tax-Xewkija. Dan il-moviment wassal biex fl-1972 jiġi ffurmat, dak li maż-żmien kellu jkun magħruf bħala l-“ Grupp Żgħażagħ taċ-Ċentru”. Sa Ġunju talistess sena kien ġie ffurmat ukoll il-“ Kor Vox Clamantis”, taħt id-direzjoni ta’ Dun Ġorġ Mercieca, magħmul minn għadd ta’ xebbiet u ġuvintur. F’ dak iż-żmien ukoll, nibtet l-“ Għaqda Drammatika Xewkija” li sallum għadha mpenjata f’ xogħlijiet teatrali fir-raħal tax-Xewkija. Fi Frar 1973, dehret l-ewwel ħarġa tal-pubblikazzjoni“ Gourgion”, rivista b’ informazzjoni ġenerali, tagħrif interessanti, aħbarijiet, attwalità u kronaka tal-parroċċa, li wkoll għada sallum tiġi ppubblikata. F’ Marzu tas-sena 1973, il-purċissjoni tad-Duluri saret għall-ewwel darba forma ta’ pageant fejn ħadu sehem madwar tliet mitt attur, tfal, żgħażagħ u adulti, lebsin kostumi Bibliċi. Din il-purċissjoni pageant, baqgħet kull sena dejjem tikber u żżid fil-popolarità tagħha u dan grazzi għat-tħabrik ma jaqta’ xejn tal-Arċipriet Mercieca, li tagħha huwa l-fundatur.
L-Arċipriet Mercieca, żamm mal-wegħda tal-programm tal-pussess tiegħu u ta prijorità u importanza xierqa littagħlim u t-tixrid tiegħu fil-parroċċa. Prinċipju fundamentali li ħaddan l-Arċipriet hu, li biex tattira u torganizza aħjar ittagħlim, huwa meħtieġ li jkollok l-infrastruttura adattata, moderna u li tilqgħek. Dan wassal għall-bidu ta’ żewġ proġetti kbar li l-poplu tax-Xewkija, mehdi kif kien bil-bini u d-dekorazzjoni tar-Rotunda, mhux biss ma kienx ħolom bihom, iżda lanqas biss kien jemmen li huma possibbli; Qasam ġdid tal-MUSEUM għas-Subien u l-bini ta’ Ċentru Parrokjali ġdid fil-pjazza ewlenija tar-raħal. L-ewwel ġebla tal-MUSEUM tas-subien ġiet imqIegħda fil-5 ta’ Mejju 1974 mill-Isqof Nikol Cauchi, filwaqt li fis-16 ta’ Lulju 1975 tqIegħdet l-ewwel ġebla tal-kappella tal-istess Qasam minn Dun Ġużepp Camilleri. Fis-26 ta’ Mejju tal-1977 inbeda x-xogħol fuq l-ippjantar taċ-Ċentru Parrokjali minn għadd ta’ voluntiera Xewkin, fuq pjanta tal-perit Joe Dimech li esegwixxa dan ix-xogħol, biex il-faċċata taċ-Ċentru tikkumplimenta arkitettonikament lill-knisja Rotunda.
Ħidma bejn is-snin 1974 u 1978 Taħt it-tmexxija għaqlija tal-Arċipriet Mercieca, u bi spirtu qawwi ta’ volontarjat, bejn is-snin 1974-1978, il-poplu Xewki ta bidu għal aktar proġetti kbar u ambizzjużi, peress li f’ Ġunju tal-1978, ir-raħal kien se jiċċelebra it-300 sena minn meta l-Isqof Ġirolamo Molina waqqaf lix-Xewkija bħala l-ewwel parroċċa’ l barra mir-Rabat fl-1678. Ilproġetti li nbdew u li kienu konklużi kienu; il-bini ta’ sala kbira fuq is-sagristija, il-bieb il-kbir tar-Rotunda, ix-xiri ta’ bankijiet ġodda għall-knisja, l-altar mejda, il-kisi bl-irħam tal-presbiterju, il-bini tal-prospettiva tal-kor, sitt prospettivi għall-ġnub, portiku msaqqaf b’ gallerija u żewġ prospettivi, kull waħda b’ żewġ niċeċ fuq xulxin, għal ħdejn il-bieb il-kbir tal-knisja. Ix-xogħol kollu tal-bini tal-prospettivi sar millbennej Leli Saliba mill-Għarb Għawdex filwaqt li l-iskultura kollha tal-gallerija tal-orgni u tal-prospettiva tal-kor huma xogħol l-iskulturi Xewkin Toni u ibnu Kristinu Camilleri. Fit-18 ta’ Ġunju 1974, ġie inawgurat il-bieb il-kbir maħdum fl-injam teak mis-Sur Salvu Tabone mix-Xewkija, fuq disinn tas-Sur Toni Saliba, mir-Rabat Għawdex.
L-altar mejda, li wasal fit-2 t’ Awwissu 1975, inħadem mid-ditta Romeo Ceccotti u ġie mbierek mill-Isqof Nikol Ġużeppi Cauchi fid-29 t’ Awwissu 1975. It-tqegħid tal-irħam tal-presbiterju kien afdat lid-ditta rinomata lokali A. F. Ellis tar-Rabat Għawdex, xogħol li nbeda fit-2 ta’ Mejju 1976. F’ dan iż-żmien ukoll saret l-istallazzjoni kollha tal-elettriku fuq pjanta tal-magħruf inġinier Albert Camilleri, xogħol li kien esegwit mill-kumpanija ta’ Joseph Hili mix-Xewkija.
Xogħol ieħor li kien għaddej f’ dan iż-żmien kien il-bini taz-zuntier ta’ quddiem il-knisja u t-tqegħid tal-madum tiegħu, liema xogħol ukoll meddew idejhom għalih għadd ta’ voluntiera Xewkin. Min jista’ jfisser il-ferħ tal-poplu Xewki, magħqud wara r-ragħaj spiritwali tiegħu Dun Karm Mercieca, hekk kif raw il-knisja Rotunda, tiġi kkonsagrata fis-17 ta’ Ġunju 1978 mill-Isqof Nikol Cauchi!
Ta’ min isemmi li bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet treċentinarji tal-Parroċċa tax-Xewkija, ġie mbierek u miftuħ uffiċjalment il-Qasam ġdid tal-MUSEUM tas-Subien, fit-18 ta’ Ġunju, 1978, mill-Isqof Nikol G. Cauchi fil-preżenza tal- Arċipriet u l-Kleru, is-Superjur Bennie Mercieca u s-soċji sħabu flimkien mal-poplu tax-Xewkija.
F’ din iċ-ċirkostanza, b’ digriet tal-istess Isqof, il-Knisja Rotunda ġiet mgħollija għad-dinjità ta’ Santwarju Djoċesan u sede Spiritwali tal-Ordni Sovran tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, kif ukoll, fost il-ferħ tax-Xewkin kollha, l-Arċipriet Carmelo Mercieca ġie maħtur Monsinjur Onorarju tal- Katidral b’ effett mis-16 ta’ Ġunju 1978. Biex imexxi dawn il-festi solenni, fl-24 ta’ Ġunju tas-sena 1978, Mons Carmelo Mercieca flimkien mal-kleru laqgħu lill-Kardinal Silvio Oddi fost il-ferħ tal-poplu kollu tax-Xewkija.
Konsagrazzjoni ta’ Knisja titlob tnax-il salib, u l-kleru kien qabel mad-deċiżjoni tal-Arċipriet li jintużaw l-istess slaleb tal-knisja l-qadima, li kienu maħduma tondi fl-alabastru. Biex jiġu jixirqu aktar mal-istil tal-knisja Rotunda kien tqabbad is-Sur Ġużè Galea biex joħloq disinn li jelabora aktar dawn is-slaleb. Is-Sur Galea għamel disinn ta’ salib bi tmien ponot, liema xogħol ġie esegwit fil-bronż mid-ditta Stefan Sibillo.
Ħidma fis-snin 1978-1980 Wara l-festi treċentinarji, l-Arċipriet Mercieca tefa’ ħarstu fuq proġetti oħra kbar u li kienu jirrikjedu l-ġenerożità tal-poplu Xewki fil-massimu tagħha: sitt pitturi ta’ daqs kbir fl-ispazji tal-prospettivi u l-pavimentar tal-knisja.