Gourgion Ġunju 2016 Għadd 58 | Page 104

51
B’ ringrazzjament u b’ apprezzament:

L-Arċipriet Mons. Carmelo Mercieca“ Missier ix-Xewkija Moderna”( 1972-2015)

Mario Borg
Dun Karm Mercieca twieled fil-25 ta’ Settembru 1941, fix-Xewkija Għawdex minn Marċell Mercieca u Tereżina mwielda Xuereb. Għammdu zijuh, Mons Carmelo Xuereb, fil-knisja Arċipretali tax-Xewkija u kien mogħti l-ismijiet ta’ Karmenu, Ġużeppi u Anton.
Wara li ħa l-edukazzjoni primarja fl-iskola tax-Xewkija, hu ssokta bl-istudji tiegħu fis-Seminarju t’ Għawdex minn fejn għamel b’ suċċess l-eżamijiet tal-General Certificate of Education. Hu kompla l-istudji għas-saċerdozju u ġie ordnat saċerdot mill-isqof Mons. Ġużeppi Pace fil-5 ta’ April 1964, fil-Katidral t’ Għawdex. Huwa għamel l-ewwel quddiesa solenni tiegħu fis-7 ta’ Ġunju 1964 fil-Bażilika ta’ San Ġorġ tal-belt Victoria u fl-14 ta’ Ġunju tal-istess sena, huwa għamel l-ewwel Quddiesa Solenni tiegħu fil-Knisja Parrokkjali tax-Xewkija.
Dun Karm inxteħet b’ ruħu u b’ ġismu għall-apostolat fost ittfal u ż-żgħażagħ fl-Oratorju Don Bosco fir-Rabat u għamel ukoll żmien responsabbli mill-istess Ċentru. Kien maħbub ħafna miż-żgħażagħ, li fih kienu jsibu saċerdot imħeġġeġ, intelliġenti u li jifhem il-problemi tagħhom. Kien ukoll għal xi żmien viċi-parroku tal-bażilika ta’ San Ġorġ.
Mal-ħatra ta’ Mons Isqof Nikol Cauchi bħala Amministratur Apostoliku għal Għawdex, Dun Karm ġie maħtur biex jaħdem f’ bosta kummissjonijiet tal-Kurja, fosthom bħala Segretarju tal-Kummissjoni Kateketika, bix-xogħol ta’ ippjanar u organizzazzjoni tat-Tagħlim Nisrani fid- Djoċesi Għawdxija. Kemm – il darba hu ġie mibgħut mill- Awtoritajiet tal-Knisja f’ Għawdex għal diversi laqgħat u kungressi f’ Malta kif ukoll barra minn Malta.
Mal-mewt traġika tal-W. R. Arċipriet Dun Ġużepp Grech fit-18 ta’ Ottubru 1971, il-parroċċa tax-Xewkija ġiet afdata f’ idejn Mons Carmelo Xuereb, sakemm jintgħażel l-Arċipriet il-ġdid. Ix-xewqa tal-poplu Xewki kienet li l-Arċipriet il-ġdid ikun mir-raħal tagħhom, imżejjen bil-kwalitajiet kollha meħtieġa li d-dinja moderna titlob. Wara konsultazzjoni mal-kleru u l-poplu, l-Eċċ tiegħu Mons Nikol Cauchi għoġbu jaħtar lil Dun Karm Mercieca bħala l-Arċipriet ilġdid tax-Xewkija. Din l-għażla ġiet milqugħa b’ entużjażmu u b’ sodisfazzjon kbir mill-poplu tax-Xewkija, għax f’ Dun Karm raw ragħaj żagħżugħ, billi kien għad għandu 31 sena, u saċerdot spiritwali, enerġetiku u aġġornat.“ Ser nibgħatilkom wieħed mill-aħjar qassisin li għandi fiddjoċesi u għad taraw il-frott tal-ħidma kbira li ser iwettaq
fil-parroċċa tagħkom tax-Xewkija,” – kliem tassew profetiku tal-Isqof Nikol G. Cauchi lid-delegazzjoni mix-Xewkija li marret tkellmu!
L-Arċipriet il-ġdid ħa l-pussess fis-6 ta’ Frar 1972, fost ilkant, ferħ u ċapċip tax-Xewkin kollha. Hu ġie mwassal minn ħdejn il-mitħna sal-misraħ ewlieni f’ karozza miġbuda min-nies tar-raħal, akkumpanjat mill-Banda Prekursur. Iċ-ċerimonja tal-pussess saret f’ parti mill-knisja l-ġdida( għax il-Knisja l-qadima kienet għadha ma twaqqgħetx) u tmexxiet mid-delegat tal-Isqof Mons Carmelo Xuereb, izziju tal-istess Arċipriet. Wara ċ-ċerimonja tal-pussess saret konċelebrazzjoni mill-Arċipriet il-ġdid flimkien mal-kleru kollu tal-parroċċa u mal-patrijiet Xewkin.
Fl-ewwel diskors tiegħu bħala Arċipriet, Dun Karm Mercieca ħabbar il-programm tiegħu li kien jinqasam fi tnejn; l-ewwel, it-twaqqigħ tal-knisja l-qadima u l-preservazzjoni taliskultura tagħha, flimkien mat-tkomplija u d-dekorazzjoni tal-Knisja l-ġdida; it-tieni, l-organizzazzjoni pastorali filparroċċa. Il-motto li għażel kien dak ta’ San Gwann Battista, il-patrun tar-raħal, li nsibu fl-Evangelju ta’ San Ġwann, Kap 3, vers 30:“ Jeħtieġ jikber Hu( Kristu) u niċkien jien”.
L-Ewwel Ħidma Importanti L-ewwel biċċa xogħol kbira li kellu jħabbat wiċċu magħha dan l-Arċipriet żagħżugħ kien il-ħatt tal-maqdes il-qadim minn ġewwa r-Rotunda, li kif nafu dam jaqdi l-ħtiġijiet spiritwali sat-2 t’ April 1972. Il-ħsieb ewlieni tiegħu kien li dan isir fl-iqsar żmien sabiex il-poplu jkollu l-kumdità kollha u jibda jgawdi l-knisja Rotunda. Il-poplu Xewki laqa’ dan l-appell, xammar idejh u mimli entużjażmu u determinazzjoni, offra xogħol volontarju biex jitwettaq dan il-programm fl-iqsar żmien possibbli. L-iskultura prezzjuża u unika ġiet maqlugħa bl-akbar attenzjoni u ġiet ippreservata bl-akbar sengħa u għaqal fil-mużew tal-iskultura li l-ewwel ġebla tiegħu tqiegħdet fid-29 ta’ Awwissu 1972 mill-Isqof ta’ Għawdex Mons Nikol Ġużeppi Cauchi. L-istess Isqof, fit- 18 ta’ Ġunju 1974 bierek u fetaħ uffiċjalment dan it-teżor fl-iskultura tal-ġebla Maltija.
Matul dan iż-żmien, kien għaddej ukoll xogħol ieħor kbir u ta’ sogru; it-tikħil u l-invjar tal-knisja minn ġewwa. Numru kbir ta’ ħaddiema u voluntiera Xewkin, taħt it-tmexxija tas-Sur Żakkarija Ċilia meddew għonqhom għax-xogħol biex b’ hekk il-knisja setgħet tibda taqdi l-funzjonijiet li għalihom ġiet mibnija. Kif ġiet imneħħiha l-aħħar ġebla