Gourgion Ġunju 2015 - Għadd 57 | Page 75

73 Leħen l-Għaqdiet Reliġjużi MUSEUM Sezzjoni Subien Anthony Grima, Superjur Il-Festa tal-Patrun tagħna San Ġwann Battista Għall-fundatur tagħna San Ġorġ Preca, il-festa ta’ San Ġwann Battista kellha sinifikat u importanza speċjali. San Ġorġ Preca ried li l-festa ta’ San Ġwann Battista - il-patrun tas-Soċjetà tal-Museum - tiġi ċċelebrata kif jixraq. San Ġorġ Preca ried li l-festa tal-Battista tiġi ċċelebrata permezz ta’ programm speċjali li kiteb huwa stess. Permezz tal-programm ta’ tagħlim u talb mifrux fuq disat’ijiem, huwa ried li l-membri tas-Soċjetà tal-Museum isiru jafu tajjeb lil San Ġwann. Matul dan il-programm, Dun Ġorġ, jippreżentalna siltiet mill-Vanġelu u jurina liema huma lvirtujiet u l-kwalitajiet sbieħ li żejnu l-ħajja tal-qaddis patrun tagħna. Huwa jsemmi fost l-oħrajn, l-umiltà, il-paċi tal-qalb li jkollu l-bniedem ta’ Alla, u l-intenzjoni retta – jiġifieri li dak li jagħmel kien jagħmlu għall-glorja ta’ Alla u mingħajr l-ebda rispett uman. Imma San Ġorġ Preca ma jiqafx biss fuq dak li nsibu filVanġelu. Huwa ried li l-membri mhux biss jitgħallmu dawn il-virtujiet li kellu Ġwanni l-Battista, iżda fuq kollox li jgħixu dawn il-virtujiet f’ħajjithom. Fuq kollox, dan huwa l-iskop ewlieni għalfejn il-Knisja tiċċelebra l-festi – biex aħna nsiru nafu aktar dwar il-qaddis u hekk inkunu nistgħu nimitawh f’ħajjitna. U din hija l-istedina li nixtiequ nagħmlu aħna wkoll lil dawk kollha li qed jaqraw din il-paġna. Jalla l-festa tal-patrun tagħna sservi biex aħna nsiru nafu aħjar min kien Ġwanni l-Battista, u mhux hekk biss, iżda nitgħallmu minnu biex aħna wkoll nimxu fuq il-passi ta’ Sidna Ġesù Kristu. B’hekk inkunu tassew qed nagħtu l-aħjar u l-aqwa qima u ġieħ lillqaddis Patrun tagħna. Il-Ħidma tal-Qasam tagħna matul is-sena… Matul is-sena, fil-Qasam tagħna komplejna għaddejjin bilħidma tagħna, mhux biss mat-tfal u l-istudenti iżda wkoll mall-ġenituri. Il-ħidma ewlenija tagħna hija marbuta mallklassijiet tal-Katekiżmu, u tinkludi wkoll it-tħejjija tat-tfal għall-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof. Matul is-sena, flimkien mal-Qasam tal-Museum tal-Bniet ġew organizzati wkoll diversi laqgħat għall-ġenituri bi tħejjija għassagramenti li wliedhom ser jirċievu din is-sena. Minkejja li l-popolazzjoni tat-tfal fix-Xewkija naqset xi ftit, però għall-grazzja ta’ Alla xorta għandna persentaġġ tajjeb tat-tfal li jattendu fil-Qasam. Hawnhekk forsi nistgħu nagħmlu appell biex l-istudenti l-kbar jkompli jattendu aktar regolari. Nafu li ħafna drabi jkollhom ħafna mpenji u studju, però l-ħin tal-Museum għandu jingħata importanza għaliex il-formazzjoni li jieħdu mill-klassijiet tal-Museum tiswa għal ħajjithom kollha. It-tfal u l-istudenti li jattendu fil-Qasam tagħna ma jkollhomx biss ħinijiet ta’ tagħlim tal-katekiżmu fil-klassijiet. Kuljum ikollhom ċans jilagħbu kemm fil-grawnd, kif ukoll fil-games room. Għal Dun Ġorġ, il-ħin tal-logħob u tal-mistrieħ kien ukoll ħin importanti fil-formazzjoni tal-karattru ta’ dawk li jattendu fl-Oqsma tal-Museum. Taj jeb li nsemmu wkoll ilħarġa tal-Ħadd wara nofsinhar li tikkonsisti jew f’xi logħba futbol jew xi mixja fil-kampanja. Ġie organizzat league tal-futbol, kif ukoll matul ix-xhur tas-sajf, jiġu organizzati wkoll diversi attivitajiet, bħal barbeques, pizza parties, u ħarġiet ħdejn il-baħar, kif ukoll logħob tas-sajf. Nixtiequ hawnhekk nagħmlu appell lilkom il-ġenituri biex tħeġġu lil uliedkom biex matul is-sajf ikomplu jattendu b’mod regolari għat-tagħlim u għall-attivitajiet li jiġu organizzati għalihom. Fl-aħħarnett, nixtiequ ngħidu kelma ta’ ringrazzjament lil bosta benefatturi li jagħtuna l-għajnuna tagħhom matul is-sena kollha. Bħal kull dar oħra, dejjem jinqalgħu ħtiġijiet ta’ manutenzjoni. Matul ix-xhur li għaddew saru diversi xogħolijiet ta’ manutenzjoni li kienu bżonnjużi fil-Qasam tagħna. Bil-ġenerożità tagħkom il-benefatturi, intom tkunu qed tgħinu biex inkomplu nwettqu l-ħidma tas-Soċjetà. Filwaqt li nirringrazzjawkom tal-għajnuna u tat-talb tagħkom, inwegħdukom li nibqgħu nitolbu għalikom ta’ kuljum. Il-paċi magħkom.