Gourgion Ġunju 2015 - Għadd 57 | Page 73

71 Leħen l-Għaqdiet Reliġjużi Azzjoni Kattolika Marsette Xerri LL.D. President Azzjoni Kattolika Xewkija L-Azzjoni Kattolika... lil hinn mill-indifferenza Indubbjament, ma hijiex konklużjoni tiegħi, imma pjuttost sommarju ta’ dak li għadd ta’ antropoloġisti ta’ żmienna jsostnu fuq is-soċjetajiet tagħna, li waħda mill-mardiet li qegħdin jaħkmu lill-komunitajiet li ngħixu fihom hija dik tal-indifferenza. Maħkumin minn ħajja ta’ rutina, li kwazi kważi tista’ ssejħilha mekkanika, fejn kull jum huwa ġlieda kontinwa mal-ħin, l-element ta’ komunità qiegħed bil-mod il-mod jisfaxxa. Frott neċessitajiet finanzjarji? Jista’ jkun. Sforz kultura li qiegħda ssir dejjem iktar individwalista? Hemm probabilità. L-Azzjoni Kattolika, b’mod partikolari din tar-raħal tagħna, li tifrex fuq għadd ta’ frajja li tista’ tgħid jinkorporaw fihom l-istati diversi tal-ħajja, teżerċita l-isforzi tagħha sabiex l-element ta’ komunità jibqa’ wieħed ħaj. Din l-għaqda tipprova li dan l-għan tilħqu billi tibda tilqa’ fi ħdanha persuni ta’ età zgħira, u fil-fatt tibda milladoloxxenti, li, indubbjament, il-formazzjoni tagħhom tilgħab irwol vitali ħafna fil-komunitajiet futuri. L-impenn sabiex dawk il-valuri li kienu l-pedamenti li fuqhom kienu msejsa l-karattri tal-istess fundaturi tal-Azzjoni Kattolika jibqgħu jsibu għeruqhom huwa għalhekk wieħed kruċjali. Bl-istess manjiera, l-Azzjoni Kattolika tħoss il-bżonn li tassisti lill-individwu fil-bqija tal-mixja ta’ ħajtu, u tipperċepixxi bħala importanti ħafna l-eżistenza ta’ familji b’saħħithom. Għal dan il-għan tara illi dawk il-koppji li jħaddnu l-intenzjoni li jibqgħu mexjin id f’id sabiex joħolqu familja, jiġu mogħtija tagħrif adegwat sopportat minn esperjenzi ta’ koppji li diġà jkunu imbarkaw fuq dan l-impenn. L-Azzjoni Kattolika ma tiqafx biss hawn, iżda tkompli tassisti wkoll lill-koppji ġaladarba l-familja tkun inbniet, biex b’hekk il-formazzjoni tkun waħda kontinwa u gradwali. Sabiex kull bżonn jiġi kemm jista’ jkun indirizzat bl-aħjar mod possibbli, il-laqgħat relattivi jiġu mqassma b’mod approprit, u ċioè dawk għall- koppji li jkunu ngħaqdu fis-sagrament taż-żwieg riċenti, u oħrajn illi jkunu daħlu sew fir-rutina ta’ familja. Il-katina soċjali li l-Azzjoni Kattolika tittenta tinseġ tiġbor fiha wkoll il-frajja tal-irġiel, xebbiet u romol. Tara li tkun għaqda parteċipi sabiex kull individwu jkun ċellola ħajja fi ħdan il-katina soċjali. Hija għaqda li għaldaqstant temmen li lkoll kemm aħna għandna sejħa sabiex id-dritt tal-opinjoni u l-prattika tar-reliġjon ma jiġix imkasbar; u li kontestwalment, id-dritt tad-dijalettika u tal-konversazzjoni huwa mpenn li jeħtieg li nassumu lkoll kemm aħna. Addizzjonalment, l-Azzjoni Kattolika hija sfera li temmen bis-sħiħ li komunità b’saħħitha tinbena b’imgiba kollettiva. Għaldaqstant, jiena nemmen li jeħtieġ inkomplu naħdmu sabiex il-komunitajtiet tagħna jissaħħu, jinfetħu, jitjiebu u jisbieħu. Huwa propju għalhekk li l-għaqda tagħna hija mifruxa f’diversi frajja li jolqtu l-istati diversi tal-ħajja. Jeħtieġ ikollna sens ta’ appartenenza għall-irħula li ngħixu u li trabbejna fihom u huwa għal din ir-raġuni li l-Azzjoni Kattolika hija mwaħħda mal-parroċċa li minnha temani. Jeħtieġ li napprezzaw li l-futur ta’ kull wieħed u kull waħda minna huwa assimilat mal-ġejjieni tal-komunitajiet tagħna, u allura bbażat fuq il-ħtieġa li nseddqu fina l-valur tar-rispett reċiproku u ta’ ġustizzja soċjali. L-Azzjoni Kattolika tagħraf li, sfortunatament, il-komunità diffiċli teżisti f’armonija perfetta, iżda pjuttost ħafna drabi ssib ruħha f’tensjoni, u għalhekk, tara l-ħtieġa u taħdem favur il-kunċett ta’ katina soċjali, fejn inservu ta’ spalla għal xulxin, nikkumbattu l-intoppi, u naffaċjaw l-isfidi b’mod kollettiv. Bla dubju ta’ xejn, l-ebda wieħed mill-għanijiet fuq imsemmija ma jirnexxielhom jintlaħqu jekk ma jkunx hemm impenn attiv mill-għadd ta’ diriġenti fi ħdan l-għaqda. Nixtieq għalhekk, nieħu l-opportunità sabiex nesprimi s-sens ta’ gratitudni tiegħi lejn id-diretturi spiritwali, id-diriġenti, l-assistenti ekkleżjastiċi u l-imseħbin ħabrieka, talli minkejja l-impenji l-oħra kollha li għandhom, dejjem jagħrfu jsibu ħin u jegħlbu l-indifferenza u l-passività. F’isem l-Azzjoni Kattolika jiena nawgura lil kull Xewki l-festa t-tajba.