Gourgion Ġunju 2015 - Għadd 57 | Page 21

19 L-Istazzjon tal-Ilma fi Mġarr ix-Xini Kitba: Mario Pace Grupp ta’ ħbieb li jiffurmaw parti mill-kors tal-arkitettura ntlaqtu mill-isplendur tal-istruttura tal-pompa tal-ilma li tinsab fi Mġarr ix-Xini. Dan l-impatt wassal biex għamlu diversi żjarat oħra u stħarrġu ferm aktar fil-fond u b’mod aktar dettaljat l-istorja u l-irwol ta’ din l-istruttura fil-kuntest storiku tagħha. Għamlu riċerka, intervisti, site surveying, mudelli 3D u anke qasmu dak li skoprew mal-pubbliku sabiex ikabbru l-għarfien u r-rwol ta’ din l-istruttura li kellha funzjoni tant importanti għall-gżira tagħna. Wieħed minn dawn kien Mario Pace, mir-raħal tagħna, li f’dan l-artiklu ser jaqsam magħna dak li skoprew. Ta’ minn isemmi li flimkien miegħu kien hemm l-istudenti l-oħra fosthom: William Moran, Robert Pace, Andrea Zerafa, Julian Vassallo, Samuel Bonello u James Dingli. Huma jixtiequ juri gratitudni wkoll lil RA&Sons Manufacturing u lill-Kunsill Lokali ta’ Sannat li sponsorjaw dan ix-xogħol. Is-Siwazzjoni tal-Ilma f’Għawdex fl-Aħħar tas-Seklu Dsatax L-istorja teħodna lura għal madwar l-1886, meta d-deputat gvernatur Hely-Hutchison ta’ instruzzjoni lillinġinier Osbert Chadwick sabiex jagħmel inspezzjoni tas-sitwazzi tal-ilma f’Għawdex. F’dawk iż-żminijiet, l-Għawdxin kien għadhom jiddependu biss fuq ilma minn nixxigħiet naturali, spieri fuq it-tafal jew inkella ilma tax-xita li jiġi maħżun fi bjar u ġibjuni. Minkejja dan kollu, ma kienx hemm evidenza ta’ skarsita kbira ta’ ilma. Wara l-osservazzjonijiet tiegħu, Chadwick irrapporta li n-nies fl-irħula tax-Xewkija, Sannat u l-Munxar - minħabba l-fatt li ma kinitx teżisti preżenza ta’ tafal fil-madwar, kienu jiddependu biss fuq l-ilma li jaħżnu fil-bjar u l-ġibjuni tagħhom. Minn naħa l-oħra, Għajnsielem kien hemm ilma minn nixxigħiet naturali bl-abbundanza, tant li ħafna mill-ilma kien jibqa’ nieżel fil-baħar. Ix-xitwa ta’ wara li Chadwick żar lil Għawdex, kienet xitwa niexfa ħafna, ftit li xejn għamlet xita. B’konsegwenza ta’ dan fixxhur tas-sajf l-irħula talGħarb, Xewkija, Sannat u l-Munxar spiċċaw mingħajr ilma u b’hekk il-Gvern kien obbligat iwassal l-ilma fuq il-karettuni sabiex jaqta’ l-għatx tan-nies f ’dawn l-irħula. F’din is-sitwazzjoni daqstant urġenti kien meħtieġ li jittieħdu miżuri malajr kemm jista’ jkun. B’hekk inbena ġibjun f’Għajnsielem sabiex fih jinġabar l-ilma minn nixxigħiet li kienu neżlin fil-baħar u minn hemm jiġi ppumpjat għarRabat, Xewkija, Sannat, Munxar u l-Għarb. Minkejja dan kollu, dan l-ilma kien suffiċjenti biss għal żmien limitat. Il-popolazzjoni ta’ Għawdex kienet qed tiżdied b’mod sustanzjali, u barra minn hekk, il-livell tal-ħajja kien qed jogħla, allura anke l-konsum tal-ilma kien qed jiżdied. Għalhekk ftit snin wara li tlesta dan il-proġett beda l-ħsieb għal xi ħaġa aħjar. L-Għażla tal-Wied għall-Bini tal-Istazzjon Wieħed irid iżomm f’moħħu li dan kollu kien qed jiġri fi żmien meta f’Malta kienu qed isiru avvanzi kbar filprovista tal-ilma. Għall-ewwel darba fil-gżejjer tagħna, l-Ingliżi rnexxielhom jifhmu l-prinċipju tal-ħażna tal-ilma ħelu fuq il-livell tal-ilma baħar – dak li aħna nsejħulu l-ilma tal-pjan u huwa teknikament magħruf bħala ‘Ghyben-Herzbeg Groundwater Body’. Il-prinċipju huwa li meta l-ilma tax-xita jipperkola fil-blat għal numru ta’ snin twal, tifforma ħażna ta’ ilma ħelu fuq wiċċ l-ilma mielaħ – irreferi għall-illustrazzjoni numru 1. 1: Illustrazzjoni ta’ ħażna tal-ilma tal-pjan Stampa korteżija ta› Wikipedia li ġiet maqluba għall-Malti