2022 | Page 19

FESTA 2022

Jikteb il-Kaxxier

Martin Zammit
F ’ dan l-erbgħa u għoxrin messaġġ tiegħi bħala kaxxier ta ’ dan il-Każin irrid niffoka fuq dak illi se nagħmlu filġimgħat li ġejjin fejn , jekk Alla jrid , wara nuqqas ta ’ sentejn , se nkunu nistgħu ngawdu l-festa fil-forma aktar familjari għalina . U fuq kollox niltaqgħu , nitkellmu u nsellmu lil Kbir Appostlu tal-Ġnus , lil Missierna San Pawl .
Bl-għajnuna t ’ Alla u bil-ħidma kontinwa tal-Kumitat żammejna f ’ wiċċ l-ilma f ’ dan il-maltemp illi milli jidher se jdum kemxejn aktar magħna . L-ispejjeż li dejjem kienu hemm , dawk kurrenti , qed narawhom jogħlew . Fejn ma effettwax il-Covid sibna mod ta ’ kif niġu effettwati millgwerra xejn sabiħa li r-Russja qed tkompli tħarrax fuq ilpoplu Ukren . Dawn ir-realtajiet xejn ma jawguraw tajjeb – għal dawk li tilfu ħajjithom u ħwejjiġhom dan huwa diżastru umanitarju – għalina tfisser aktar inċertezza u aktar tħabbil il-moħħ ta ’ kif se nibbilanċjaw il-kotba .
Bħalma tistgħu ssegwu f ’ din il-pubblikazzjoni , ix-xogħol baqa ’ għaddej . Kif semmew il-President u s-Segretarju , il-ħidma fuq il-planċier kif ukoll fejn jidħol tisbiħ tas-sede tagħna baqgħet tissokta – dan grazzi għall-għajnuna tagħkom u għal dawk li għenu sabiex jinkisbu l-fondi meħtieġa . Irrid nirringrazzja bħal dejjem tal-għajnuna tagħhom lill-Akkawntant tagħna , is-Sinjorina Graziella Busuttil u lill-Awditur Ġenerali , is-Sinjura Annalise Attard Bezzina . Dawn jieħdu ħsieb li dak li nagħmlu jkun rapportat b ’ mod tajjeb u skont il-parametri rekwiżiti mill-awtoritajiet , li jsegwu b ’ mod
riġidu l-ħidma tagħna .
Dawk li jirriklamaw f ’ dan il-ktieb ukoll qegħdin jagħtu kontribut kbir lill-ħidma tagħna . Użaw is-servizzi ta ’ dawk li jirriklamaw f ’ din ilpubblikazzjoni , użaw is-servizzi tal-banka tal-lottu kif ukoll użaw il-bottegin tal-Każin fejn irrid nirringrazzja lis-Sur Frans Monreal tal-impenn tiegħu biex jara li dan jinfetaħ u li joffri l-aħjar post fejn wieħed jista ’ jiltaqa ’ f ’ Ħal Safi .
Din is-sena rajna wkoll inizjattiva oħra ta ’ ġbir ta ’ fondi , dik tal-pavaljuni u bandalori li tħejjew u li nbigħu b ’ suċċess . Ta ’ dan nirringrazzjakom u nfakkarkom biex tvarawhom u żżejnu bihom f ’ din il-ġimgħa ta ’ festa .
Infakkarkom ukoll fl-importanza tas-sħubija tagħkom fil-Każin . Is-soċi huma dawk li jagħtu l-ħajja lill-bini u lill-festa tagħna . Huwa ferm importanti li nkomplu nkabbru n-numru ta ’ tesserati f ’ din is-Soċjetà u dan nistgħu nibdewh mill-familji tagħna fejn inħajru wkoll lil uliedna jsiru soċi ta ’ dan il-każin . Dan ikompli jagħti aktar saħħa lill-ħidma tal-Kumitat kif ukoll iservi ta ’ dħul ieħor .
Nawguralkom festa tajba . Inħeġġiġkom tipparteċipaw kif tistgħu , iżda fuq kollox dejjem agħtu ġieħ lil Missierna San Pawl u nirringrazzjawh tal-ħarsien tiegħu .
Viva San Pawl !

Agħti l-Kontribut tiegħek biex inkunu nistgħu nkabbru aktar il-festa f ’ ġieħ il-Patrun tagħna

San Pawl

FESTA 2022

Każin Banda San Pawl , Safi
25 Sena Kamra tan-Nar San Pawl - Safi
19