2022 | Page 147

FESTA 2022

Intervista ma ’ Rita Portelli

Joseph Barber Bonavia
Is-Sinjura Rita Portelli twieldet fis-6 ta ’ Awwissu tas-sena 1984 ġewwa l-Isptar San Luqa fil-Pietà . Hija dejjem trabbiet u għexet fir-raħal sabiħ tagħna ta ’ Ħal Safi u għalkemm illum marret tgħix iż-Żurrieq , xorta waħda tħossha parti mill-komunità ta ’ Ħal Safi . Fi tfulitha , kienet tattendi l-Iskola Primarja ta ’ Ħal Safi , filwaqt li iktar tard attendiet ukoll il-Junior Lyceum Carlo Diacono fiż-Żejtun , studjat ma ’ sħabha fil-Junior College u fl-aħħar iżda mhux l-inqas , attendiet ukoll għall-kors fl-Università ta ’ Malta . Hija gradwata BSc . bl-Unuri fit- Terapija Komunikattiva u segwiet b ’ Masters fl-Istudji tad-Diżabbiltà u PG Diploma fl-Interpretazzjoni tal- Lingwa tas-Sinjali .
Bħalissa fil-fatt , Rita hija l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Interpreti tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija u hija wkoll is-Segretarja ta ’ Deaf Ministry Malta fejn tieħu ħsieb li l-persuni bi problemi ta ’ smiegħ ikollhom aċċess għasservizzi reliġjużi f ’ Malta . Hija fil-fatt taħdem bħala interpretu tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija .
Matul il-pandemija , permezz tal-aġġornamenti tal- Covid-19 , ħafna nies saru aktar konxji tal-Lingwa tas- Sinjali Maltija kif ukoll dwar ix-xogħol tal-interpreti . Bħala interpreti kienu ilhom jaħdmu fuq it-TV iżda waqt il-pandemija ħafna kienu jkunu d-dar jistennew l-aġġornamenti u għalhekk il-poplu Malti seta ’ jifhem aktar l-importanza tal-irwol tal-interpretu . Kien fundamentali li dawn l-aġġornamenti jkunu aċċessibbli għal kulħadd bl-istess mod għax huwa dritt għall-persuni nieqsa mis-smiegħ li jkollhom aċċess għall-informazzjoni tant importanti . “ Wara kollox Malta għandna 3 lingwi uffiċjali ” qaltilna s-Sinjura Portelli hija u tħares lejn il-lingwa tas-sinjali bħala t-tielet lingwa uffiċjali għal pajjiżna . Din ġiet approvata bil-liġi fis-16 ta ’ Marzu tassena 2016 .
“ Meta kont għadni qed nistudja l-Università biex insir Speech and Language Pathologist , ma kontx naf li jeżisti dan ix-xogħol ,” qaltilna Rita . Infatti f ’ Malta kien
għadu fil-bidu tiegħu . Meta Rita ggradwat , kien hemm opportunità ta ’ taħriġ fl-Università għax inħass il-bżonn tal-interpreti . Hija ħatfet din l-okkażjoni . Waqt il-kors iltaqgħet ma ’ persuni neqsin mis-smiegħ għall-ewwel darba u kienu huma li għallmuha din il-lingwa tant sabiħa . Minn dakinhar ħasset li kellha l-vokazzjoni biex tkun leħen għal min mgħandux u llum wara 16-il sena , hija tħares lura u tħossha kuntenta b ’ dak li rnexxielha tagħmel .
Rita qaltilna li s-servizz jigi offrut lil dawk il-persuni b ’ nuqqas ta ’ smiegħ fejn jixtiequ bħal ngħidu aħna fledukazzjoni , f ’ servizzi mediċi , fil-qrati eċċ . Infatti bħala interpretu x-xogħol ta ’ Rita rari jkun l-istess għax tmur fejn ikollhom bzonn . “ Huwa xogħol interessanti ħafna imma jirrikjedi ħafna preparazzjoni wkoll .”
“ Tul iż-żmien , kemm-il darba kelli opportunitajiet insiefer magħhom biex noffri das-servizz kif ukoll kemm-il darba attendejt taħriġ u konferenzi għax dejjem hemm fejn titgħallem aktar u ssir aħjar ,” stqarret magħna Rita filwaqt li qaltilna li l-isbaħ memorji forsi jkunu dawk ta ’ meta marret bħala interpretu fil-Vatikan , fil-Parlament Ewropew u waqt seduta tan-Nazzjonijiet Magħquda fl-Iżvizzera .
Hija spjegat li l-lingwa tas-sinjali hija lingwa sħiħa u kumplessa bħal kull lingwa oħra bir-regoli lingwistiċi tagħha u kull pajjiż għandu lingwa tiegħu . Importanti li jkun hekk peress li din tirrifletti l-kultura u l-istorja ta ’ kull komunità u din tiġi żviluppata mill-persuni b ’ nuqqas ta ’ smiegħ stess . Normalment persuni li jkunu b ’ nuqqas ta ’ smiegħ jitgħallmu jużaw din il-lingwa biex ikunu jistgħu jikkomunikaw b ’ aktar faċilità .
Persuni ta ’ kull età li jixtiequ jagħmlu din l-għażla u jitgħallmu din il-lingwa u jużawha huma mħeġġa li jagħmlu parti minn din il-komunità għax dak huwa l-aħjar u l-isbaħ mod li titgħallem u tiżviluppa l-lingwa . “ Ovvjament dejjem tkun ħaga sabiħa li persuni oħra interessati li jitgħallmu din il-lingwa , jagħmlu dan biex ikunu jistgħu jikkomunikaw magħhom bħalma għamilt jiena ,” temmet Rita .

FESTA 2022

Każin Banda San Pawl , Safi
25 Sena Kamra tan-Nar San Pawl - Safi
147